Ħafna ħaddiema, żgħażagħ u anzjani mhux ilaħħqu bil-piż tal-għoli tal-ħajja. Iżda fi kliem il-Gvern, donnu li mhemm xejn fuq xiex ninkwetaw – għaliex qed jagħtina miljun ewro kull ġurnata.
Diversi familji ilhom snin jappellaw lill-Gvern sabiex jieħu azzjoni llum qabel għada quddiem l-għoli tal-ħajja hekk kif lanqas qed jirnexxilhom jagħmluha sal-aħħar tax-xahar. Fil-fatt, mijiet ta’ persuni qed jispiċċaw javviċinaw lil diversi kċejjen, bħas-Soup Kitchen, għall-għajnuna ħalli imqar ikollhom platt ikel sħun kuljum. Oħraj iduru fuq tal-familja għax ma jlaħħqux mal-loans. Filwaqt li hemm uħud li qed inaqqsu minn dawk li forsi iqisu bħala “kapriċċi”.
Quddiem dan kollu, il-Ministru Julia Farrugia Portelli – li suppost għandha l-irwol li tħares lill-konsumatur – temmen li l-Gvern diġa’ qed jagħmel biżżejjed għall-isfida tal-għoli tal-ħajja.
“Qed nagħtu miljun ewro kuljum,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Meta saqsejniha tgħidilna xi pjan għandu l-Gvern Laburista biex inaqqas l-inflazzjoni, il-Ministru rrifjutat li ttina tweġiba għal dan; tant li għażlet li ddur fuq il-midja Laburista bil-ħsieb li taħrab milli twieġeb.
Iżda bqajna nippersistu sabiex imqar ittina r-rata ta’ kemm il-Gvern għandu pjan li jnaqqas l-għoli tal-ħajja fix-xhur li ġejjin – iżda xorta waħda bqajna bla tweġiba.
Jidher biċ-ċar li l-Gvern Laburista m’għandux soluzzjoni sabiex itaffi din il-kriżi. Dan meta pajjiżi oħra – bħar-Renju Unit – kellhom miri ċari li jnaqqsu l-inflazzjoni bin-nofs; mira li diġa’ intlaħqet.
Il-piż tal-għoli tal-ħajja fuq il-Maltin issa qed jinħass ferm aktar minn dak li qed jesperjenzaw il-pajjiżi l-oħra fl-Ewropa. Fil-fatt, f’Settembru r-rata annwali tal-għoli tal-ħajja għal Malta kienet ta’ 4.9 fil-mija – 0.6 punti perċentwali aktar mir-rata ta’ 4.3 fil-mija rreġistrata fiz-Zona tal-Ewro.
//= $special ?>