Fl-aħħar 19-il xahar, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-entitajiet tiegħu nefqu aktar minn €89,000 f’reklamar li sar fuq Facebook.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari li saret mid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, il-Prim Ministru Robert Abela qal li mill-għada tal-elezzjoni ġenerali tas-sena li għaddiet sa Settembru li għadda, intefqu kważi €23,000 fuq il-paġna ta’ facebook tal-Malta Gov; il-paġna uffiċjali tal-Gvern li tippromowovi informazzjoni fuq il-miżuri tal-Budget, proġetti u inizjattivi oħrajn.
Apparti dawn, spiża addizzjonali ta’ aktar minn €26,000 intużat għall-promozzjoni ta’ kampanji informattivi fuq il-paġna tal-Malta Informartion Technology Agency – il-MITA.
Kien hemm ukoll spiża ta’ kważi €700 f’reklamar li sar fuq il-paġna ta’ facebook ta’ servizz.gov u €460 fuq il-paġna tal-MCESD. Bi €18 biss jintefqu fuq il-paġna tal-Awtorità tax-Xandir u €30 mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.
Fuq Facebook wieħed jista’ jippubblika messaġġi kemm irid bla ħlas. U ġeneralment…il-ħlasijiet isiru biex jiġu imbuttati messaġġi jew kontenut speċifiku; kif fil-fatt qed jagħmel il-Gvern.
Intant, il-Ministru Michael Falzon qal li bejn Marzu tas-sena li għaddiet u Novembru ta’ din is-sena saret neqfa ta’ iktar minn €24,000 mill-Ministeru tiegħu. Bil-Ministeru tal-Kultura jagħmel nefqa ta’ aktar minn €114,000 … filwaqt li dak tal-Ekonomija nefaq kważi €26,000 fuq Facebook.
Fl-aħħar xhur kien hemm bosta okkażjonijiet meta l-Kummissarju tal-Istandards ġibed l-attenzjoni tal-Gvern għan-nefqa li qed issir mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kif ukoll mill-Ministeri konċernati. U wissa’ dwar il-mod kif qed isir ċertu reklamar fuq il-media socjali.