Lokali Parlament

Nuqqas ta’ trasparenza fl-Awtorità tal-Artijiet


Rebekah Borg, PN


Id-deputat Nazzjonalista Rebekah Borg sostniet fil-parlament li hemm nuqqas ta’ trasparenza kbira fl-Awtorità tal-Artijiet.


Rebekah Borg qalet li l-gvern kien jiftaħar bit-trasparenza fl-Awtorità tal-Artijiet għax l-Oppożizzjoni għandha membru fil-Bord tal-Awtorità. Minkejja dak li qal il-gvern, il-verità hi ferm differenti fl-Awtorità tal-Artijiet għaliex m’hemmx trasparenza. Hi qalet li fl-iskandlu tal-isptarijiet il-gvern ta tliet artijiet lill-kumpaniji barranin b’konfoffa minn wara dahar il-poplu.


Id-deputat Nazzjonalista smmiet il-każ tal-Qortin u l-ġnien tal-Gżira fejn il-qorti u s-sindku Laburista kellhom kliem iebes fil-konfront tal-gvern dwar art pubblika.


L-informazzjoni mitluba ma tingħatax mill-Awtorità tal-Artijiet, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-proġett tal-ġnien tal-Gżira jinsab imwaħħal għand l-Awtorità minħabba l-pompa tal-petrol li ngħatat preċedenza fuq l-interessi tan-nies.


Rebekah Borg qal li hemm diffikultà biex il-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Artijiet jaraw il-files. Dwar dan tkellem ukoll l-Ombudsman li kkritika n-nuqqas ta’ trasparenza fl-Awtorità tal-Artijiet. Hi sostniet li issa l-Awtorità lanqas qed twieġeb l-emails li hi tibgħat dwar il-files li tkun trid tara biex jitilgħu quddiem il-Bord tal-istess Awtorità.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li n-nies huma urtati dwar ix-xogħol b’lura li hemm fl-Awtorità tal-Artijiet. Dan mhux tort tal-ħaddiema tal-Awtorità iżda tort tan-nuqqas ta’ riżorsi li dawn għandhom biex jaħdmu.
Rebekah Borg sostniet li hemm nies li ilhom snin jistennew informazzjoni dwar talbiet tagħhom. Min-naħa l-oħra hemm min m’għandux għalxiex jistenna.