Lokali

Qed teħel fit-traffiku? Stenna sas-sena d-dieħla biex forsi tingħata soluzzjoni

Stennew sas-sena d-dieħla.

Hija din ir-risposta tal-Ministru Aaron Farrugia għall-frustrazzjoni u r-rabja ta’ dawk kollha li ta’ kuljum jispiċċaw iqattgħu ammont kbir ta’ ħin imwaħħla fit-traffiku – xi ħaġa li żgur mhix perċezzjoni, kif kienu qalulna!

Fil-Budget għas-sena d-dieħla, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li l-Gvern se jkun qed jiffinalizza l-pjan biex numru ta’ servizzi fit-toroq tagħna ma jingħatawx qabel id-9 ta’ filgħodu. Miżura oħra riċiklata li mhu qed tagħti ebda serħan il-moħħ li dawk kollha li ta’ kuljum jeħlu fit-traffiku.

Kien għalhekk illi Net News staqsa lill-Ministru responsabbli minn dan is-settur, Aaron Farrugia, dwar fiex wasal dan il-pjan. Bil-Ministru jgħid li għadhom għaddejjin it-taħdidiet filwaqt li ma speċifikax liema huma s-servizzi msemmija.

Bil-Gvern jidher li għadu ma rrealizzax ir-realtà li l-poplu Malti qed jesperjenza ta’ kuljum… hekk kif skont il-Ministru, is-soluzzjoni li qed joffri, jekk tidħol fis-seħħ… għalissa se tkun attwata biss għas-sigħat ta’ filgħodu…bil-Ministru jibqa’ ma jgħidilniex x’soluzzjoinijiet konkreti għandu għal dan is-settur.

Intant, fil-Budget, il-kelma metro lanqas biss issemmiet darba … aħseb u ara kemm beda dan il-proġett – ħolma oħra tal-Gvern Laburista li sfumat fix-xejn.

Imma li skont il-Ministru, bħalissa għaddejjin il-laqgħat biex ikunu esplorati mudelli ekonomiċi li jistgħu jilqgħu għal dan l-investiment…għalkemm ftit tal-ġmgħat ilu, il-Prim Ministru Robert Abela kien qal li għalih, il-metro m’għadhiex prijorità.