Tkompli l-ħidma konsultattiva tal-Partit Nazzjonalista hekk kif matul il-jum tat-Tlieta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu diskussjoni mal-Malta Institute of Accountants fid-Dar Ċentrali.
Waqt din il-laqgħa ġew diskussi diversi sfidi li qed jaffaċċja dan is-settur bħalissa; fosthom in-nuqqas ta’ riżorsi kif ukoll in-nuqqas ta’ pjan ħolistiku. Apparti minn hekk, ġie diskuss ukoll l-impatt li kien hemm fuq pajjiżna meta spiċċajna fil-lista l-griża tal-FATF.
F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li laqgħat bħal dawn huma importanti ħafna għaliex permezz ta’ dawn il-laqgħat il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jfassal il-politika tiegħu bil-bżonnijiet tal-poplu fiċ-ċentru.
Bernard Grech saħaq li hemm bżonn soluzzjonijiet kreattivi għal problemi li qed jaffaċċja dan is-settur; fost l-oħrajn li jkun hemm pjan sabiex pajjiżna jattira ħaddiema ta’ kwalità.
Minn naħa tiegħu l-President tal-Malta Institute of Accountants Mark Bugeja qal li din l-assoċjazzjoni għandha ‘l fuq minn 4,000 membru u għalhekk għandhom responsabbiltà kbira. Bugeja spjega kif b’laqgħat bħal dawn il-pajjiż ikun jista’ jimxi ‘il quddiem.
Preżenti għal din il-laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien hemm ukoll id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia kif ukoll it-Teżorier tal-Forum Professjonisti tal-PN Andre Pio Catania.
//= $special ?>