Lokali Qorti

Tliet xhur ħabs għal raġel li ma obdiex ‘curfew’ u kien ma persuna li allegatament spara fuq ieħor

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kkundannat lil Aaron Cassar ta’ 43 sena mill-Imqabba tliet xhur ħabs wara li ammetta li kien ma Christopher Agius waqt argument fil-bidu ta’ dan ix-xahar fuq barra ta’ ħanut tax-xorb fil-Gżira li ntemm bi sparatura.

Cassar ammetta hekk kif tressaq il-Qorti fejn wieġeb ħati wkoll li kiser il-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest meta ma kienx f’daru bil-lejl f’żewġ okkażjonijiet, dak inhar tal-isparatura u f’lejl ieħor. Il-Qorti ordnat ukoll li jiġu rrevokati ż-żewġ digrieti li bihom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’żewġ kawżi separati u ordnat il-konfiska ta’ parti mid-depożitu ta’ €1,500.

Sadattant, Agius ta’ 31 sena minn Raħal Ġdid, li kien tressaq ma’ Cassar nhar l-Erbgħa li għaddew kien wieġeb mhux ħati li fit-3 ta’ Novembru uża arma tan-nar fil-Gżira biex biha spara u darab raġel barranin f’saqajh. Hu baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-ħabs.

Il-Prosekuturi Darlene Grima, Etienne Savona mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qed jassistu lill-ispetturi tal-pulizija Wayne Camilleri u Michael Vella, qed jakkużaw lil Agius li kkaġuna ġrieħi gravi lill-vittma, li heddu b’arma tan-nar, kien fil-pussess ta’ arma tan-nar waqt li wettaq reat. kontra persuna, li ġarr arma tan-nar fil-pubbliku mingħajr liċenzja u li kiser il-paċi pubblika.

Minn dak li ħareġ il-ġimgħa l-oħra meta kienu qegħdin jiġu mfittxija mill-Pulizija Cassar u Agius kienu qattgħu lejl fir-Radisson Golden Sands f’Għajn Tuffieħa, b’Cassar jorqod hemm bejn it-12 u t-13, u b’hekk reġa’ kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. Cassar kien ġie arrestat fi triq il-Wied, Birkirkara.

Iż-ewġt irġiel kienu ġew identifikati minn filmati CCTV mill-inħawi, huwa qal, b’dak li spara – jiġifieri Christopher Agius, akkumpanjat minn Cassar. Cassar ma ħax sehem fl-isparatura. L-Avukat David Gatt qed jassisti lil Agius.