Lokali Parlament

Xhud jikkonferma li kienu għaddew messaġġi u mistoqsijiet ma’ Clayton Bartolo qabel il-PAC


Xhud li kien qed jixhed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) ikkonferma quddiem l-istess kumitat, li kienu għaddew messaġġi u mistoqsijiet bejnu u l-Ministru Clayton Bartolo qabel l-istess laqgħa.


Dan il-każ tqajjem fil-parlament mid-deputat Nazzjonalista u Chairman tal-PAC Darren Carabott li talab lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex jieħu l-passi neċessarji dwaru.


Darren Carabott qal li fil-PAC tal-lum li kienet qed tiddiskuti l-kuntratti tal-power station tal-Electrogas, ix-xhud, l-ekonomista Gordon Cordina, taħt ġurament, ikkonferma li kienu għaddew messaġġi u mistoqsijiet bejnu u bejn il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo propju dwar dik il-laqgħa tal-PAC. F’ċirkostanzi oħra, dan il-każ jammonta għal wieħed li fih jittieħdu passi serji.


Il-Whip Laburista Andy Ellul staqsa lid-deputat Nazzjonalista biex jispeċifika għal-liema klawsola kien qed jirreferi għaliha dwar ksur tar-regoli.


Il-Ministru Clayton Bartolo qal li waqt l-istess laqgħa hu għadda l-mistoqsijiet lill-kumitat hekk kif kien talbu l-istess chairman Darren Carabott.


Għal mistoqsija tal-Whip Laburista Andy Ellul, id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott sostna li qatt qabel ma kien hemm każi fejn deputati Nazzjonalisti membri fil-PAC jitbagħtu l-mistoqsijiet minn qabel lix-xhud li jkun se jidher quddiem il-PAC.


Kien id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott li, fil-PAC, staqsa lix-xhud jekk kienx irċieva mistoqsijiet bil-quddiem. Ix-xhud wieġeb li kien irċieva messaġġ u dokument b’numru ta mistoqsijiet mingħand il-Ministru Clayton Bartolo qabel il-laqgħa. Ix-xhud qal li l-mistoqsijiet kienu indikattivi ta’ dak li kien mistoqsi fil-PAC. Darren Carabott qal fil-PAC li l-messaġġi u d-dokumenti mhemuża jkunu mogħtija lill-PAC.


Il-PAC kien qed jiddiskuti l-istudji tal-2011 magħmul mill-ekonomista Gordon Cordina li analizza l-użu tal-gasoil, gass u heavy fuel oil.