Lokali

Aaron Farrugia ma jridx jiddibatti fuq it-televiżjoni ma’ Adrian Delia

Il-Ministru tat-traffiku – elett mill-poplu – Aaron Farrugia,  qiegħed jaħrab minn dibattitu fuq it-televiżjoni mad-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia.

Dan hekk kif fl-aħħar jiem il-programm ‘Opinjoni’ għamel stedina uffiċjali lill-Ministru Farrugia sabiex din il-ġimgħa jieħu sehem f’dibattitu ma’ Adrian Delia ħalli jiddiskutu s-sitwazzjoni allarmanti tat-traffiku. Sfida li ta’ kuljum, ġurnata wara l-oħra, ċ-ċittadin Malti qed ikollu jħabbat wiċċu magħha – sigħat twal moħlija wara dwal ta’ brejkijiet – lejl u nhar.

Bosta esperti qed jisħqu li dan huwa frott iż-żieda eżorbitanti fil-popolazzjoni – min jgħid raġuni u min oħra. Madanakollu l-fatti jibqgħu li soluzzjoni għal dan kollu jidher li m’hemmx – u Aaron Farrugia jinsab skomdu u taħt pressjoni tant li ma jridx jiddibatti fuq it-televiżjoni. Dibattiti li taħt Gvern Nazzjonalista kienu jsiru ta’ kull ġimgħa – dibattiti li l-Gvern ta’ Abela jrid jeqred għal kollox biex ma jesponix id-dgħufija tiegħu.

Net News staqsa lil Farrugia jekk kienx se jaċċetta din l-istedina – bil-Ministru tat-traffiku jibqa jinsisti li jrid jitkellem biss fil-kumdità tas-siġġu Parlamentari tiegħu biss. Fi kliem sempliċi – monologu, u mhux dibattitu.

Sadanittant il-poplu qed jibqa’ mwaħħal fit-traffiku, bl-ansjetà dejjem tiżdied, il-ħin dejjem jonqos, u s-serbut ta’ karozzi dejjem jitwal. Mingħajr soluzzjoni konkreta, mingħajr pjanijiet li jwasslu għal viżjoni fit-tul – għajr kliem frivolu – bħal wegħda tal-metro li issa tinsab ferm ‘il bogħod mill-pjanijiet ta’ Abela.