Sena mill-qtil makabru ta’ Bernice Cassar, qraba u ħbieb tagħha marru fil-post tad-delitt biex ifakkru l-memorja tagħha – omm ta’ żewġt itfal li sfat maqtula kiesaħ u biered f’nofs ta’ triq minn żewġha stess permezz ta’ tiri ta’ arma tan-nar.
Sena ilu, Bernice Cassar kienet ripetutament talbet l-għajnuna tal-Pulizija iżda l-azzjonijiet tagħhom kienu tard wisq. Bl-entitajiet responsabbli naqsu milli jipproteġuha, bl-Istat jerġa’ ifalli mara oħra. B’dawk preżenti jistaqsu x’fadal jiġri biex dawk fil-poter jieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu?
Qraba u ħbieb poġġew fil-post bukketti ta’ fjuri u xemgħat b’tifkira għal Bernice Cassar, b’oħtha tisħaq li “n-nies issa qed jifhmu li din il-mara kienet għamlet dak kollu li s-sistema titlob lill-vittmi ta’ vjolenza domestika jagħmlu. Bernice ħarbet minn darha, għamlet ir-rapporti, fittxet l-għajnuna ta’ professjonisti varji, ħadmet u tkarbet biex tikseb l-indipendenza mistħoqqa, u saħansitra talbet u ngħatat ordni ta’ protezzjoni.”
Oħtha kompliet li Bernice kellha d-dritt tirritorna lura d-dar għand il-qraba tagħha, iżda s-sistema fallietha minkejja li kienet għamlet ħames rapporti. “Xi ħadd irrid jerfa’ r-responsabbiltà u ningħataw appoloġija għan-nuqqas li sar.”
Minn statistika li ħarġet jidher li fil-preżent hawn mal-2,283 każi ta’ vjolenza domestika li għadhom pendenti fil-Qorti, b’żewġ maġistrati li qed jipprova jlaħħqu ma’ dawn il-każijiet kollha.
Quddiem l-aħbar li se jingħataw panic buttons għall-vittmi ta’ vjolenza domestika, b’oħt Bernice fakkret li l-Pulizija għandha ċans 14-il ġurnata biex tipproċedi quddiem xi rapport ta’ vjolenza domestika. Kien hawnhekk fejn fakkret kif Bernice kellha biss disgħat ijiem ħajja mill-ewwel rapport li għamlet lill-Pulizija u ġurnata waħda biss mit-tieni rapport.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud bħalissa għaddejja l-kumpilazzjoni ta’ Roderick Cassar ta’ 42 sena mill-Imqabba li jinsab mixli li wettaq femiċidju fil-konfront ta’ martu Bernice Cassar ta’ 40 sena.
Cassar qed jiġi mixli bi 15-il akkuża fosthom li meta seħħ il-femiċidju nhar it-Tlieta 22 ta’ Novembru 2022 għall-ħabta tat-8 am huwa żamm lill-vittma tiegħu kontra r-rieda tagħha f’Raħal Ġdid fejn seħħ ir-reat, li uża vjolenza, inkluża vjolenza morali u psikoloġika, li uża arma tan-nar waqt li kien qed jagħmel reat u li ġarr arma mingħajr permess.
//= $special ?>