Lokali

“Gafà għandu joqgħod attent x’jgħid taħt ġurament”

Il-fatti jgiddbu lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.

Hekk sostna l-Partit Nazzjonalista meta għal darb’oħra kkonferma li waqt laqgħa li kellu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mal-Kummissarju tal-Pulizija – l-istess Gafà qal għal aktar minn darba li l-Pulizija mhi qed tagħmel l-ebda investigazzjoni li hija indipendenti mill-inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat Gabriella Vella dwar l-iskandlu tal-isptarijiet.

Il-laqgħa li kien talab Bernard Grech kienet saret l-Erbgħa, 25 ta’ Ottubru. U dakinhar, kif fisser il-PN, Gafa’ kien ċar ħafna fi kliemu.

Il-fatti juru li l-liġi ma żżommx lill-Kummissarju jinvestiga – speċjalment wara deċiżjoni ċara bħal dik li ħarġet mill-Qorti tal-Appell u li kkonfermat li kien hemm mhux biss frodi, iżda anke kollużjoni; ħadma bejn il-Gvern u Vitals.

Esperti legali qed jibqgħu jinsistu illi f’każi ta’ natura kriminali hija prassi li l-Pulizija twettaq investigazzjoni indipendenti u separata minn inkjesta maġisterjali.

Fil-fatt, kemm-il darba l-Pulizija jlestu u jtemmu l-investigazzjonijiet tagħhom li jwasslu għall-arrest ta’ persuni…bil-Kummissarju tal-Pulizija ġeneralment jinforma lill-Maġistrat inkwerenti b’dak li jkun qiegħed iseħħ.

Madanakollu f’dan il-każ partikolari, ċioè b’rabta mat-tliet sptarijiet ta’ Karin Grech, San Luqa u dak Ġenerali t’Għawdex…Angelo Gafà għażel li jibqa’ gallarija u jistenna l-eżitu tal-Maġistrat Gabriella Vella; minkejja li l-pulizija għandha dmir li tinvestiga minn jhedda.

It-Tlieta, waqt xhieda ġuramentata fil-Qorti, Angelo Gafà saħaq li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech prova jpoġġi kliem f’ħalqu u li kienu l-pulizija nfushom li taw mas-36 isem ta’ suspettati lill-Maġistrat. Gafà sostna li huwa insista li l-Pulizija kienu qed jinvestigaw taħt l-inkjesta Maġisterjali. Dan minkejja li l-Pulizija tista’ twettaq investigazzjoni separata u indipendenti.

Il-Partit Nazzjonalista minn naħa tiegħu sostna li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu joqgħod attent x’għid taħt ġurament, filwaqt li nnota li l-pajjiż m’għandux bżonn messaġġier…iżda Kummissarju tal-Pulizija li jinvestiga, jarresta u jtella l-Qorti lil dawk li ffrodaw aktar minn €400 miljun.