Ivan Bartolo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal fil-parlament li l-gvern mhux jilħaq lil min verament jeħtieġ l-għajnuna soċjali.
Ftit tal-ġimgħat ilu l-Prim Ministru Muscat qal li kulħadd sar “sinjur żgħir” iżda kull min hu viċin in-nies jaf li dan mhux minnu.
Hu qal li anki bil-paga u bil-part time, il-ħajja f’Malta saret problema, aħseb u ara meta jkun hemm sfidi soċjali.
Rappport mill-istitut tat-Trade Unions Ewropew, juri li l-ħaddiem Malti mill-2015 sallum, fil-livell tal-paga, mit-12 il-post niżel għall-24 post.
Il-gvern jinsab fi gwerra miegħu innifsu, kontra wliedu, ma jagħtix każ taż-żgħir, għax minnhom ma jieħdu xejn lura, sostna Ivan bartolo, li kompla li Malta llum sare sinonimu ta’ gwerra mas-siġar. Mhux veru li l-pajjiż qed jgħix l-aqwa żmien ladarba mhux kulħadd kien qiegħed igawdi b’mod ugwali u mhux kulħadd kien qiegħed jiekol mill-istess platt u mhux kulħadd poġġa mal-istess mejda.
Hu qal li l-prezzijiet tal-propjetà żdiedu b’40% mill-2017 sal-lum – ekwivalenti għall-żieda ta’ 6% kull sena. Analiżi li saret mid-ditta ta’ awdituri KPMG – l-istess studju li wera li persuni weħidha ta’ bejn 25 u 30 sena, ma jaffordjawx 95% tal-proprjetà li hawn fis-suq lokali.
Il-gvern jgħid li l-faqar naqas, u min baqa’ fqir irid jaħseb sew, biex jimxi ‘l quddiem f’ħajtu u mhux jiddependi mill-gvern.
Fuq in-numru 153 dwar djar biss, mill-2018 lil hawn ċemplu 5,419 u min jaf kemm oħrajn ċemplu l-Awtorità.
Mill-2019 sat-30 ta’ Ottubru ta’ din is-sena 63,548 żaru l-uffiċini tal-Housing.
Fuq il-lista ta’ stennija hemm madwar 1,500 persuna, minkejja li qabel l-elezzjoni l-PL kien qal li se jkun hemm aktar postijiet milli nies fil-lista.
Fil-budget il-gvern qal li tibqa’ stabbli l-waiting list għall-akkomodazzjoni Apparti li qatgħu mil-lista lil dawk li jixtiequ jbiddlu l-post tagħhom minħabba raġunijiet validi, dawn ukoll qatgħu mil-lista lil dawk li ma javżawx li biddlu l-indirizz, fost oħrajn.
Hu qal li l-gvern dejjem jiftaħar li l-lista ta’ stennija hija l-inqas li qatt kien hawn. Din hija waħda mill-gidbiet tal-gvern.
Fi żmien Gvern Nazzjonalista il-lista ta’ stennija kienet tqarreb it-3,000 għax illum mhux qed jiġu kkalkulati n-nies li jingħataw is-sussiddju tal-kera, fost l-exchange u aktar. Qabel kienu jgħoddu kollox fl-istess lista.
Fl-2013 il-lista ta’ stennija kienet 2800, fl-2018 kienet 3291, fl-2019 kienet 3113, fl-2020 kienet 2920 , wara l-elezzjoni tal-l-2022 kienet 1342 u fl-2023 kienet 1527 .
Minn ċensiment ricenti, rriżulta wkoll li l-ispazju tad-djar Maltin ukoll naqas drastikament. Fl-1982 appartament ta’ tliet ikmamar tas-sodda kien ikejjel 135 metri kwadri, filwaqt li fl-2008 dan naqas għal 115 metri kwadri. Għalkemm fiċ-ċensiment tal-2011, kien hemm ċifri pożittivi u minkejja t-titjib fil-liġijiet, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kamra tal-Perit, saħqet fuq il-bżonn li jiġu ċertifikati l-ħaddiema fil-qasam tal-konstruzzjoni. Dan biex, ikun hemm titjib fil-prattiċi. Madankollu jidher li s’issa m’hemm l-ebda metodu li jirreġistra kif saru x-xogħlijiet fil-proprjetajiet.
Il-kirjiet tas-suq ħieles ġabu problemi kbar maż-żgħir. Birr-riforma tal-kirjiet, il-problema ma ssolvietx.
Id-deputat Nazzjonalista qal li hemm disponibbiltà limitata ta’ akkomodazzjoni affordabbli, speċjalment f’żoni urbani; hemm żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà; hemm nuqqas ta’ akkomodazzjoni għall-istudenti u hemm piżijiet tat-taxxa fuq il-kera u x-xiri tal-proprjetà. Hemm sitwazzjonijiet f’pajjiżna li minħabba fihom, hemm bnedmin li spiccaw bla dar.
Il-gvern kien qal li ‘l-appartamenti l-ġodda mistennija jkunu lesti fl-2021. Imma għall-Partit Laburista fil-Gvern hemm krib li jbati biex jisma’, hemm krib ieħor li ma jridx jisma’, filwaqt li hemm ukoll krib li ma jaqbillux jisma’.
Jeħtieġ li jkun enfażizzat l-Emergency Shelter, li għandu jkun strutturat, fejn persuna toqgħod fih għal sitt ġimgħat. Aħna ma rridux nies fit-toroq, imma mhux għad-detriment tas-sidien. Iżommhom il-gvern, jibni units apposta. Il-gvern jibqa’ jixħet ir-responsabilita fuq il-gvern ta’ qablu. Jibqa’ jgħid li Gvern Nazzjonalista m’ għamel xejn u huma għamlu kollox. Ix-xemx telgħet fuq Malta fl-2013!
Jirriżulta li fl-1950 inbnew 159 blokka taħt l-ex Prim Ministru Nerik Mizzi, fis-sebgħinijijiet inbnew 481 blokka taħt l-ex Prim Ministru Duminku Mintoff, fid-disgħinijiet inbnew 131 blokka taħt l-ex Prim Ministru Eddie Fenech Adami, fis-sena 2000 taħt l-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi inbnew 81 blokka waqt li mill-2013 sal-lum inbnew tmien blokok biss, sostna Ivan Bartolo.