Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: It-tlugħ tas-satellita mill-komunisti jżid it-tensjoni fir-reġjun

Il-Korea t’Isfel issospendiet partijiet tal-ftehim li laħqet fl-2018 mal-Korea ta’ Fuq wara li r-reġim komunista fi Pyongyang irnexxielu jtella’ satellita fl-ispazju bħala missjoni ta’ spjunaġġ għall-iskaptu tal-Istati ġirien fir-reġjun.

Il-ftehim ta’ snin ilu kien intiż għat-tnaqqis ta’ tensjoni militari bejn il-Korej u l-Prim Ministru tal-Korea t’Isfel,Han Duck-soo, issa qal li t-tlugħ tas-satellita għandu jitqies bħala theddida diretta għas-sigurtà ta’ pajjiżu.

Għaldaqstant, il-Korea t’Isfel se tibda mill-ġdid it-titjiriet ta’ sorveljanza tul il-fruntiera mal-Korea ta’ Fuq — u bir-rotta tkopri z-Zona Demilitarizzata bejn dawn l-Istati li ilhom teknikament fi stat ta’ gwerra mill-ħamsinijiet. B’hekk ukoll, ma baqax validu l-ftehim għal no-fly zone li kien ilu effettiv mill-2018.

L-analisti issa qed jistennew eskalazzjoni fit-tensjoni bejn Seoul u Pyongyang u ladarba l-Korea ta’ Fuq – skont ir-rapporti – irnexxielha twassal is-satellita ‘Malligyong-1’ fl-ispazju wara li kienet falliet fl-attentati preċedenti.

Il-Korea t’Isfel ikkonfernat li s-satellita, issa, tinsab fl-orbita iżda għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid jekk din hix tiffunzjona skont il-pjan tal-komunisti.

Fl-istess ħin, il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti t-tnejn ikkundannaw l-aġir ta’ Pyongyang li jinkwadra fil-pjan ta’ ħames snin imfassal mill-Mexxej komunista Kim Jong-un għall-iżvilupp tal-militar tal-Korea ta’ Fuq.

Sadanittant, il-kelliema f’Washington qalu li l-Korea komunista, permezz tas-satellita għall-ispjunaġġ, qed tissogra li tiddistabbilizza sew is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-penisola Koreana u ‘il hinn minnha..