Lokali Parlament

Il-PN bi proposti u soluzzjonijiet għat-trasprot tal-massa


Toni Bezzina PN


Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal fil-parlament li l-PN ilu snin jipproponi soluzjonijiet li jsolvu l-probema tat-traffiku f’ pajjizna iżda l-Gvern qed jibqa’ jsabbat saqajh.


Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-Gvern Laburista nefaq €2 miljuni fi studji għal proposta ta’ trasport tal-massa, barra l-fatt li t-tnedija tal-proposta tal-metro swiet €1.5 miljun oħra f’direct orders għall-preżentazjoni ta’ siegħa.


Għalkemm il-Gvern Labrista għandu ħabta jiftaħar bil-Manifest Elettorali tiegħu ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, fejn proposta numru 414 kienet tgħid li ‘jibda x-xogħol fuqu [Metro] minnufih’, żgur m’għandux biex jiftaħar bil-ministru tat-traffiku tiegħu, għax dan ħalla lill-poplu Malti u Għawdxi jsaffar fit-traffiku sal-ġurnata tal-lum.


Għalkemm intefqu il-mijiet ta’ miljuni ta’ euro f’junctions u toroq godda, il-konferenza tas-Sigma li saret il-ġimgħa l-oħra f’ pajjiżna irnexxila tiġġammja pajjiż.


Pero l-ministru tat-traffiku Aaron Farrugia ħareg b’waħda ġdida; wara li sena ilu ipprova jbellagħha lill-poplu Malti u Għawdxi li t-traffiku mhux tort tiegħu iżda tort tal-festi u min jorganizzhom. Issa qed jipprova jgħid li bħalissa għadu jistudja mudelli ekonomici biex jiffinanzja l-Metro; għadu ma ndunax li mudell ekonomiku kif jigi ffinanzjat il-Metro kien parti mir-rapport li ffinanzja l-Gvern tiegħu stess.


Din m’hi xejn ħlief prova oħra li għandna ministru tal-gvern li lanqas jaf x’fihom rapporti li ġew finanzjati mill-ministeru tieghu stess, aħseb u ara kemm jaf kif se jsolvi l-problema tat-traffiku f’pajjiżna. Agħar minn hekk, għandna ministru tat-traffiku li lanqas jaf x’qal il-Prim Ministru tiegħu ftit tal-ġranet ilu, fejn iddikjara li l-metro m’għadiex prijorità għall-gvern Laburista; basta nfaqna l-miljuni f’ rapport u reklamar.


Id-deputat Nazzjonalista qal li qabel l-elezzjoni generali li għaddiet, il-gvern Laburista ikkumisjona rapport dwar il-proposta tal-Metro li fl-ewwel paġna tiegħu ġie ddikjarat minn min għamlu li ma jidħlux responsabbli għar-rapport li għamlu huma stess.


Dan ifisser li l-gvern ħallas €2 miljuni għal rapport li ma jiswiex ħaqq il-karta li ħie miktub fuqha. Pero dan mhux biżżejjed; il-ministru għadu ma ntebaħx li l-mudell ekonomiku biex jiġi ffinanzjat il-proġett tal-metro kien jifforma parti mir-rapport tal-metro u dan kien se jagħmlu billi jintroduċi għadd ta’ taxxi ġodda fosthom taxxa ta’ €3 kuljum għal kull karozza għall-parking fit-triq, taxxa addizjonali għal-liċenzja tas-sewqan ta’ €25 fis-sena, taxxa ta’ €0.05 il-litru fuq il-prezz tal-fuel, taxxa addizjonali fuq permessi tal-ippjanar għall-bini ta’ propjetà ta’ €40 kull metru kwadru u taxxa addizjonali tal-boll ta’ 5% fuq xiri ta’ propjetà.


Toni Bezzina qal li pero dawn t-taxxi m’humiex biżżejjed. Bl-iskuza tal-metro, l-gvern ippropona l-istupru ta’ artijiet vergni għall-ispekulazzjoni ta’ bini ta’ blokok li jlaħħqu għoli sa 22 sular, fosthom f’Buġibba bi blokki ta’ bini li jitilgħu sa disa’ sulari għoli; f’Mater Dei b’erba’ blokki ta’ bini li jitilgħu sa seba’ sulari għoli; f’Pembroke bi tmien blokki ta’ madwar tmien sulari l-wieħed u torri ta’ 22 sular; fil-Marsa Park & Ride bi blokka sħiħa u bini ta’ tmien sulari għoli u fil-Marsa bi blokka sħiħa ta’ madwar 16-il sular għoli.


Toni Bezzina qal li l-Partit Nazzjonalista għaddu soluzzjoni fattibli għall-problema ta’ mobilità u konġestjoni tat-traffiku bl-introduzzjoni ta’ trasport tal-massa li ma jagħbiex lill-poplu b’ taxxi ġodda kif wkoll mingħajr ma jieħu art pubblika għall-ispekulazzjoni tal-bini, li tista’ faċilment tintuża bħala spazju miftuħ għar-rikreazzjoni tal-familji tagħna.


L-isfortuna hi li l-Gvern Laburista qed jibqa jsabbat saqajh u ma jirikonoxxix illi l-proposta tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-qasam hija l-unika soluzzjoni biex noħorġu lil pajjiżna mis-isqaq li jinsab fih; traġitt ta’ kwarta, qed jieħu siegħa u nofs jew aktar.


Id-deputat tNazzjonalista kompla li l-PN ippropona sistema ta’ trasport tal-massa li jikkombinaw il-karatteristiċi vantaġġjużi tat-trams mingħajr binari u karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku jgħaddu minn toroq arterjali u distributorji minn karreġġjati iddedikati apposta għalihom bi skedi preċiżi u ħinijiet qosra u fissi ta’ vjaġġar li joffru ċertezza lil min jużahom.


Dan għaliex grazzi għall-korsija dedikata, dawn t-trams mingħajr binari ma jeħlux fit-traffiku għax ma jsibux ostakli u b’hekk il-ħin tal-vjaġġ ikun dejjem l-istess.


Bl-użu aħjar u aktar effiċjenti ta’ l-ispazju diġà disponibbli fit-toroq, jkun assigurat l-ispazju neċessarju għall-karrġġati ddedikati għat-trasport tal-massa.


Barra minn hekk, tiġi ntrodotta ‘feeder system’ li tassigura il-konnessjoni bejn diversi żoni residenzjali, ċentru fejn jaħdmu n-nies u ċentri ohra important u kummerċjali mas-sistema tat-trasport tal-massa.
It-tip ta’ vetturi wżati għall-‘feeder system’ ikunu determinati mill-kuntest li fihom ikunu wżati kif wkoll mill-patronaġġ li jkollhom bil-focus ikun il-bżonnijiet tal-passiġġiera.


B’ hekk it-trasport pubbliku jilħaq aktar nies u jkun l-alternattiva naturali għall-użu tal-karozza privata billi jipprovdi servizz li jkun effettiv u affidabbli.


Peress li pajjiżna għandu bżonn soluzzjoni effettiva fl-iqsar żmien possibli, din il-proposta hija l-aktar waħda vijabbli peress li tista’ tkun implimentata fi żmien ftit xhur billi l-ewwel jiġu stabbiliti r-rottot, il-prijoritajiet u s-sinjali tat-toroq neċessarji u l-karriġġati dedikati ghat-trasport tal-massa. Filwaqt li wara 18-il xahar jkun jista’ jibda r-roll out permezz tal-karozzi tal-linja li għandna bħalissa, fi żmien ħames snin ikunu jistgħu jiġu introdotti trams mingħajr binarji li jkunu jifilħu jġorru eluf ta’ passiġġiera fl-istess ħin.
Toni Bezzina qal li dan il-mezz ta’ trasport tal-massa jkun jista’ jittrasporta ħafna aktar nies minn post għall-ieħor fl-istess ħin u fl-iqsar hin possibbli.


Grazzi ghal dawn t-trams, jonqsu n-numru ta’ karozzi mit-toroq bir-riżultat li jonqos t-tniġġiż tal-arja u għalhekk jkollna ħajja aħjar. Is-sistema proposta mill-PN kapaċi toffri servizz veloċi u effiċjenti, b’inqas minn nofs ta’ l-ispiża tal-proposta tal-metro li kien ressaq l-Gvern Laburista li trid minn tal-inqas 20 sena biex tigi mplimentata barra li jigu ggenerati mal-10 miljun tunnellata ta’ radam tal-kostruzzjoni.


Il-proposta tal-PN hi stmata li għandha nefqa kapitali ta’ €2.8 biljun, tiġi tiswa €56 miljun fis-sena biex topera, tilħaq 48 lokalità u tkun lesta fi żmien ħames snin biss mentri il-proposta tal-gvern tal-metro tiġi tiswa €6.2 biljun, ma nafux li spiża rikorrenti fis-sena biex tinżamm taħdem, tilħaq 20 lokalità biss u trid 20 sena biex tkun tista tibda topera.


Din is-sistema ta’ trasport tal-massa kif proposta mill-Partit Nazzjonalista tikkonsisti f’sitt linji ċirkolari, li jwasslu miċ-Ċirkewwa sa Birżebbuġa u tinkorpora disa’ hubs, 13-il interchange u 25 waqfa, għal total ta’ 47 waqfa mifruxin madwar Malta b’tul ta’ 173 km ta’ rotot. Il-hubs se jkunu parkeġġi għall-karozzi taħt l-art u spazju aħdar miftuħ fil-livell tat-triq.


Din is-sistema tkun ikkumplimentata b’sistema ta’ feeder lines li jwasslu lin-nies minn ġol-qalba tal-irħula u l-bliet għall-hubs u l-interchanges. B’hekk tikber il-firxa ta’ nies li jistgħu jinqdew b’din is-sistema.
Sistemi simili bl-użu ta’ karrġġati iddedikati għalkemm inqas teknoloġiċi, jeżistu f’aktar minn 200 belt madwar id-dinja kollha, inklużi l-Istati Uniti, l-Amerika Latina, iċ-Ċina, l-Awstralja, ħafna partijiet tal-Asja, l-Afrika u l-Ewropa, inklużi l-Italja, ir-Renju Unit u Franza.


Il-ħtieġa ta’ karreġġati iddedikati għat-trasport tal-massa hija sostnuta mir-rapporti kollha li saru f’Malta mis-snin disgħin, u aktar reċentement fl-Istrateġija ta’ Trasport ta’ Malta 2025 – 2050. Saru rapporti dwar it-trasport tal-massa f’Malta, ikkummissjonati mill-gvern u/jew minn Transport Malta, u kollha jissuġġerixxu li sistema tal-wiċċ hija aħjar minn sistema taħt l-art.


Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li l-PN qed jipproponi sistema ġdida ta’ trasport tal-massa bl-aħħar teknoloġija, li ġiet ippruvata u ttestjata f’ diversi pajjizi u għalhekk huwa f’idejna li nkunu innovattivi u minn ta’ quddiem biex nagħtu l-aħjar soluzjoni lill-poplu tagħna biex tissolva l-problema tat-traffiku f’ pajjizna darba għal dejjem.