Lokali Parlament

Il-PN irid jagħmel politika li taħdem għan-nies mhux taħdem lin-nies

Il-Minsirtu Clayton Bartolo għandu jirriżenja mill-PAC wara li nstab ħati li naqas b’mod gravi


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal fil-parlament li l-PN irid jagħmel politika li taħdem għan-nies mhux taħdem lin-nies; il-PN se jkun qed jagħti tmexxija differenti għall-pajjiż.


Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li filwaqt li l-gvern jgħid li qed ikun impenjat li jtejjeb il-ħajja tan-nies, in-nies qed isostnu li l-ħajja tagħhom mhijiex tavvanza ‘l quddiem.


Hu kompla li dan qed jirriżulta minn diversi stħarriġ fejn stħarriġ tal-Kamra tal-Kummerċ jistabilixxi li tmienja minn kull 10 negozji tal-familja qed jikkonfermaw li l-pajjiż mhux miexi fid-direzzjoni t-tajba. Stħarriġ ieħor jikkonferma li tmienja minn kull 10 żgħażagħ iridu jitilqu minn Malta.


Dan filwaqt li stħarriġ ieħor jikkonferma li l-investituri barranin f’Malta jsostnu li l-pajjiż mhux sejjer fid-direzzjoni t-tajba.


Bernard Grech kompla li fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fit-trasport pubbliku hemm problemi kbar maħluqa minn diversi fatturi fosthom it-tkabbir tal-popolazzjoni, partikolarment dawk li ġejjin minn pajjiżi minnbarra l-UE.


Dawn in-nies qed ikunu importati għaliex il-gvern ma kellux direzzjoni ekonomika ċara u tajba iżda ried biss ikabbar il-popolazzjoni.


Dan wassal biex ċertu setturi kibru bla ħsieb u bla pjan, sostna Bernard Grech, li kompla li dan wassal biex kien hemm ħtieġa ta’ iktar ħaddiema. is-sena li għaddiet biss ġew madwar 35,000 fil-pajjiż.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li din hi l-poliitka tal-gvern u kompla li kulaħdd qed iħossu fgat; dan hu dovut għall-fatt li l-popolazzjoni kibret b’mod esaġerat. Bejn l-2013 u llum il-popolazzjoni kważi rduppjat. L-istatistika tal-gvern qed taħbi l-veru ċifra tal-popolazzjoni fil-pajjiż.


Bernard Grech kompla li dan hu stabbilit minn diversi indikaturi iżda mill-fatt li xi kultant il-gvern, biex jidher li qed jagħmel xi ħaġa, jinstabu numru ta’ persuni mingħand permessi. Dawn mhumiex parti mill-istatistika; inkella l-gvern la jaf min hu dieħel u lanqas jaf min hu ħiereġ fil-pajjiż.


Il-kap tal-PN qal li fil-pajjiż hawn problema ta’ sigurtà fejn m’hawnx il-garanziji meħtieġa fuq il-kontroll neċessarju. ir-risposta tal-gvern hi li jinġiebu iktar nies kull sena; jiġu minn fejn jiġu u jkunu ta’ liema livell ikunu… anzi l-gvern jimmira li jġib l-iktar nies li jaħdmu bil-pagi baxxi.


Dan qed iwassal biex min jaspira li jkollu paga aħjar, tilef il-konfort li jekk jistinka jista’ ‘l quddiem u jkollu paga aħjar għaliex jidħol xi ħadd ieħor jew oħrajn li irenduh f’komeptizzjoni ‘l isfel.


Il-problema hi evidenti meta jkun ikkunsidrat l-investiment massiċċ fit-toroq fl-ammont ta’ €700 miljun iżda l-poplu għadu jeħel fit-traffiku u l-poplu mhux moqdi.


Dan hu gvern bla pjan, sostna Bernard Grech, li semma’ l-problema tal-y plates fejn il-gvern ħalla lil kulħadd isuq u issa għax hemm problema serja, issa l-gvern qed jikkontrolla. Hu tkellem dwar il-bżonn ta’ tiġdid ekonomiku mhux biss fit-tibdil tal-mudell ekonomiku iżda fil-mod kif ikunu kkunsidrati d-deċiżjonijiet li jittieħdu.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-gvern kisser ir-reputazzjoni tal-gvern billi daħħal lil Malta fil-Lista l-Griża u qal li l-gvern irid jagħmel ħafna iżjed minn sempliċi ħruġ mil-Lista l-Griża. Il-gvern irid jirrestawra l-kwalitajiet biex il-pajjiż jerġa’ jattira lura investiment tajjeb u b’saħħtu.


Bernard Grech qal li t-tiġdid ekonomiku jrid iwassal biex l-affarijiet isiru b’iktar serjetà fosthom b’amministrazzjoni ambjentali li tippreserva s-sħubija naturali u l-patrimonju nazzjonali u dinji. Il-gvern għandu jipproteġi l-kosta, jiġġenera enerġija sostenibbli u li jħares ambjent b’saħħtu.


Is-sitwazzjoni fl-2023 hi li d-drenaġġ għadu jintrema fil-baħar flok il-gvern qed iħares il-kwalità tal-baħar. Din hi wkoll problema ta’ infrastruttura fejn anki l-isptar mhux ilaħħaq mal-pazjenti minħabba l-popolazzjoni; l-istess bħad-dawl u l-edukazzjoni.


Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar ir-responsabbiltà soċjali u qal li l-benefiċċji għandhom jingħataw lil dawk fil-bżonn biex ħadd ma jitħalla lura fis-soċjetà. Hu tratta l-governanza tajba, l-kondotta etika u r-responsabbiltà huma fil-qalba tal-governanza ta’ gvern ġdid Nazzjonalista fir-restawr ta’ demokrazija sħiħa.


IL-Kap tal-PN qal li l-PN ikompli jkabbar l-ekonomija tal-pajjiż mingħajr ma jkun hemm iktar piżijiet fuq l-infrastruttura tal-pajjiż. Dan filwaqt li l-pajjiż ikompli joħloq impjiegi ta’ kwalità għan-negozji u għall-ħaddiema.


Jeħtieġ li l-politika tal-iskjavitu modern tinġieb fix-xejn wara li dan il-gvern tant kattarha bl-abbuż tan-nies. Kulħadd għandu dritt għad-dinjità tiegħu, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li appella biex ikun is-soluzzjonijiet quddiem problemi li jiffaċċjaw l-anzjani.


Bernard Grech kkundanna lill-gvern għall-mod kif kompla jagħti l-miljuni lil Steward meta kien jaf li dawn mhux jonoraw l-obbligi kuntrattwali tagħhom. Il-gvern suppost tela’ biex jagħmel is-sewwa u mhux biex jaqdi lill-ftit.


L-għoli tal-ħajja qed teffettwa lil kulħadd, iżda l-gvern qed jibqa’ jintaxxa l-COLA, m’għamilx fond nazzjonali biex jgħin lill-importaturi u l-esportaturi u minflok attakka lin-negozji.


L-integrità fil-politika u t-trasparenza fid-deċiżjoni għandha tkun prinċipju. Hu kkritika lill-Ministru Clayton Bartolo li qal li mhux se jippubblika rapport kollu dwar il-Kummissjoni tal-Films għax qal li ma jafdax lill-PN. Il-Kap tal-PN sostna li r-raġuni veru wara d-deċiżjoni tal-Ministru Bartolo hi li għandu x’jaħbi. Illum il-ħabi mill-gvern hu stabbilit wara li l-gvern ħeba l-kuntratti ta’ Vitals u ta’ Steward.


Hu semma’ lill-Ministru Clayton Bartolo u qal li l-Ministru Bartolo nstab ħati mill-Ispeaker li naqas wara li għamel kuntatt ma’ xhud fil-PAC biex jgħidlu x’se jsaqsih minn qabel. X’se jagħmel il-Prim Ministru issa wara r-ruling tal-Ispeaker?


Clayton Bartolo għandu jirriżenja immedjatment mill-PAC iżda jekk irid jibqa’, allura l-Prim Ministru għandu jneħħieh. Mhux aċċettabbli li Clayton Bartolo jibqa’ fil-PAC wara li l-istess ministru ammetta li kien għadda l-mistoqsijiet lix-xhud, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.