Il-poplu Malti u Għawdxi għandu d-dritt li jkun jaf kif qed jintefqu l-flus tal-Awtorità tat-Turiżmu, filwaqt li jippretendi li l-Awditur Ġenerali jinvestiga lill-Ministru Clayton Bartolo.

Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għat-Turiżmu Mario de Marco u mill-Kelliem għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra.

Il-kelliema qalu li jkun żball jekk naraw ir-riżultati tat-Turiżmu minn termini ta’ kwantità biss. Fid-dawl tal-fatt li t-tkabbir fil-popolazzjoni f’pajjiżna qed joħloq pressjoni fuq l-infrastruttura, problemi fit-trasport pubbliku u fl-isptarijiet, jekk l-ammont ta’ turisti jibqa’ jiżdied b’mod li mhux sostenibbli, anke l-esperjenza tal-istess turisti tibda tkun ta’ kwalita inferjuri. Hemm differenza bejn kemm għandna bżonn turisti biex jimtlew il-lukandi u kemm jiflaħ turisti il-pajjiż.

Il-kelliema tennew in-nuqqas ta’ trasparenza fil-mod kif jintefqu l-flus tal-MTA, kif ukoll li l-Partit Nazzjonalista u l-poplu għadhom qed jistaqsu dwar in-nefqa għall-industrija tal-films. Dan meta pajjiżna għandu Ministru tat-Turiżmu li jrid jagħmilha tal-bully.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet kien innutat ukoll kif il-producers Maltin u Għawdxin ingħataw somma fqira ta’ flus meta mqabbel mal-miljuni li ngħataw il-producers barranin. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jtenni d-diversi proposti li diġà ppreżenta, fosthom il-co-production fund u capping fuq il-cash rebate.

Il-kelliema tennew il-ħtieġa ta’ firxa aktar wiesa’ fil-konettività, hekk kif aktar minn nofs il-vjaġġi minn u lejn Malta qed issiru mill-kumpanija RyanAir.
//= $special ?>