Internazzjonali

Il-Kabinett Iżraeljan japprova ftehim biex jinħelsu l-ostaġġi li nħatfu x-xahar li għadda mill-Hamas

Iżrael u l-Hamas waslu fi qbil biex jinħelsu 50 ostaġġ mill-Gaza fuq firxa ta’ erbat ijiem li matulhom mistenni jkun hemm pawża milll-ġlied bejn iż-żewġ naħat.

Jekk kemm-il darba jkun hemm pawża fil-konflitt, din għandha tkun l-ewwel waħda mindu Iżrael irritajla  kontra l-Hamas għall-massakri tas-7 ta’ Ottubru li swew il-ħajja ta’ 1,200 persuna.

Dawk kollha li se jiġu meħlusa se jkunu nisa u tfal, b’uffiċjali ta’ Iżrael jgħidu li għal kull 10 ostaġġi iżjed li jinħelsu, apparti dawk il-50 li sar qbil dwarhom, dan se jkun qed ifisser estensjoni ta’ ġurnata oħra ta’ waqfien mill-ġlied.

Minkejja dan l-aħħar żvilupp, Iżrael qed jgħid li dan ma jfissirx it-tmiem tal-gwerra, bl-għanijiet tagħhom huma li l-ostaġġi kollha jirritornaw lura għand il-familji tagħhom, jaraw il-qerda tal-Hamas u jassiguraw li m’hemmx theddid ieħor għall-Iżraeljani.

Minn naħa tagħhom, Hamas qed jgħidu li l-50 ostaġġi se jkunu qed jinħelsu la darba 150 nisa u tfal Palestinjani jinħelsu minn taħt idejn l-Iżraeljani. Bħalissa, il-Hamas qed iżommu madwar 240 ostaġġ f’Gaza.

Intant, il-Qatar, li serva bħala medjatur f’dan il-ftehim, qal li mijiet ta’ trakkijiet b’għajnuna umanitarja se jkunu qed jitħallew jidħlu Gaza hekk kif qed taffaċja sitwazzjoni xejn sabiha quddiem nuqqas kbir ta’ għajnuna medika u fjuwil.

Għadu mhux ċar meta l-erbat ijiem ta’ pawża flimkien mal-ħelsien tal-ostaġġi se jkunu qed iseħħu.

Intant, dwar dan tkelmet ukoll il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola fejn faħħret dan il-pass pożittiv “b’tama għall-familji Iżraeljani u Palestinjani.”

Roberta Metsola qalet li “dan hu l-ewwel pass li wieħed għandu jkompli jibni fuqu” sabiex din il-gwerra tiġi fi tmiemha u ma narawx iktar imwiet. Kien hawnhekk fejn żiedet tgħid li l-isforzi għandhom ikomplu sabiex nassiguraw il-paċi fil-Lvant Nofssani u l-ostaġġi kollha jiġu meħlusa u jittieħdu lura għand il-qraba u ħbieb tagħhom.