Turist minn Spanja ġie mmultat €700 wara li ammetta li ġab ammont żgħir ta’ cannabis għall-użu tiegħu stess. Jorge Garcia Lafuente ta’ 46 sena tressaq il-Qorti quddiem il-maġistrat Rachel Montebello wara li kien arrestat nhar it-Tlieta, fl-ajruport.
L-Ispettur Roxanne Tabone spjegat li r-raġel kien spiċċa arrestat mal-wasla tiegħu fuq titjira minn Spanja, wara li nstab li kien qed iġorr pakketti ta’ tabakk tal-brim li kien imħallat mal-cannabis, kif ukoll brownies tal-cannabis u blalen taċ-ċikkulata li fihom traċċi ta’ cannabis. Lafuente instab ukoll li kien qed iġorr 0.5g amfetamini.
Minħabba f’hekk, Lafuente ġie mixli li importa reżina tal-cannabis u amfetamina mingħajr il-permessi meħtieġa. L-Ispettur Tabone qalet lill-Qorti li r-raġel kien ikkopera bis-sħiħ mal-pulizija, u qalilhom hu stess li l-brownies u li l-blalen taċ-ċikkulata kien fihom il-cannabis. “Kieku ma offriex din l-informazzjoni volontarja, kien ikollna nagħmlu inkjesta maġisterjali.”
L-Avukat Ishmael Psaila, avukat difensur flimkien mal-avukat Adrian Sciberras, infurmaw lill-Qorti li l-imputat xtaq jammetti l-akkużi. L-indikazzjonijiet kienu li d-droga kienet maħsuba għall-użu personali tiegħu, qalet l-ispettur, li informat lill-qorti li Lafuente qal lill-pulizija li kien ġab miegħu provvista ta’ ġimgħa għaż-żjara tiegħu f’Malta.
Mitlub jikkonferma l-ammissjoni tiegħu, Lafuente tenna li huwa ħati, iżda rrimarka lill-Qorti li kien hemm biss ammont żgħir ħafna ta’ cannabis, li kien diġà ħallat mal-borża akbar tat-tabakk. Fis-sottomissjonijiet tagħha dwar il-piena, l-ispettur ma insistietx fuq sentenza ta’ ħabs effettiv fid-dawl tal-kooperazzjoni sħiħa tar-raġel mal-pulizija.
Dr. Psaila tenna s-sottomissjonijiet tal-ispettur, u żied li l-ammont ta’ droga kien minimu. “Ġie hawn għal vaganza, mhux biex jimporta droga,” qal l-avukat. Il-Qorti, wara li qieset il-kooperazzjoni tar-raġel mal-pulizija u l-ammont minimu ta’ droga, kif ukoll id-direzzjoni tal-AĠ li l-każ jiġi deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati, imponiet multa ta’ €700 u ordnat il-konfiska tal-esebiti.