Lokali

Is-60 anniversarju mill-qtil tal-President John F. Kennedy

Analiżi ta' Victor Camilleri

John Fitzgerald Kennedy, il-35 President tal-Istati Uniti tal-Amerika, kien għaddej minn żmien ta’ popolarità kbira f’pajjiżu u madwar id-dinja.

Minkejja kriżijiet kbar li setgħu jaffettwaw lid-dinja kollha, hu kien ammirat u maħbub forsi daqs l-ebda President Amerikan qablu. Inkluż f’pajjiżna, f’Malta.

Filgħodu tat-22 ta’ Novembru 1963, waqt li kien għaddej b’motorcade flimkien ma’ martu Jacqueline f’karozza mikxufa, fi triqtu mill-ajruport ta’ Dallas f’Texas, għal Dallas Trade Mart – fejn kellu jagħmel diskors quddiem 2,600 mistieden – għall-ħabta tan-12.30pm, waqt li karozza kienet għaddejja minn quddiem it-Texas School Depository, il-President Kennedy u l-Gvernatur Connally intlaqtu minn bullets sparati minn distanza konsiderevoli.

Il-President Kennedy ittieħed f’Parkland Memorial Hospital f’12.38pm u meħud dritt fis-sala tal-operazzjoni iżda sas-1.00pm kien diġà dikjarat mejjet.

Il-qattiel tiegħu, Lee Harvey Oswald, ta’ 24 sena, li nqabad ftit tal-ħin wara, instab li kellu kuntatti mad-dinja komunista. Fi ftit jiem hu nqatel ukoll minn Jack Leon Ruby, sid ta’ nightclub.

Sadattant, biex ma jkunx hemm vakwu tal-poter, fis-2.38pm, Lyndon B. Johnson, il-Viċi President, ingħata l-ġurament bħala s-36 President Amerikan, abbord l-ajruplan presidenzjali Air Force One, f’ċerimonja mmexxija mill-Imħallef Sarah H. Hughes. Interessanti li fuq l-ajruplan ma kienx hemm kopja tal-Bibbja u, għaldaqstant, Johnson ħalef il-ġurament tiegħu fuq ktieb li kien fih il-Liturġija tal-festa ta’ San Ġużepp.

Fuq dak l-istess ajruplan presidenzjali tgħabba t-tebut bil-katavru ta’ JFK u t-titjira waslet f’Andrew’s AirBase, f’Camp Springs, fis-5.56pm.

L-aħbar li kienu sparaw lill-President Kennedy ġriet madwar id-dinja u ħasdet lil kulħadd. Aktar u aktar f’dak il-ħin qasir sa ma kien dikjarat li miet. Imbagħad bdiet l-ispekulazzjoni x’setgħet kienet il-vera raġuni u jekk kinetx parti minn xi kumplott kontra l-Istati Uniti.

Stazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni, gazzetti u l-midja kollha li kienet teżisti dak iż-żmien madwar id-dinja taw coverage enormi għal dak li baqa’ jissejjaħ bħala l-agħar każ ta’ assassinju fis-seklu 20.

Naturalment l-akbar xokk kien għall-pubbliku Amerikan li ħareġ minn daru u mill-postijiet tax-xogħol biex jifhem eżatt x’kien ġara u x’kien mistenni li se jiġri.

Dan il-qtil baqa’ jikkaratterizza l-vjolenza f’kull forma tagħha f’dak il-pajjiż, leader tad-dinja, li baqa’ sal-lum ma sabx tarf tal-vjolenza u tal-armi tan-nar f’idejn in-nies.