Adrian Delia, PN
Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal fil-parlament li s-settur tat-trasport hu mifni bl-iskandli, fallimenti u u-turns.
Adrian Delia tkellem dwar l-avjazzjoni u qal li dan is-settur għandu diversi sfidi iżda l-esperjenza li Malta kisbet fil-marittimu tul is-snin swiet tajjeb u hi l-kultura li biha l-pajjiż jista’ jkattar dan is-settur.
Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-istudenti/piloti li kellhom imorru jistudjaw barra minn Malta minħabba xogħlijiet fil-mitjar. Dawn huma xogħlijiet tajbin iżda ma saret ebda konsulatzzjoni mal-istudenti li jissellfu €70,000 biex jagħmlu l-korsijiet tagħhom. Għalhekk meta ngħalaq il-mitjar għax-xogħlijiet, dawn l-istudenti ma kellhomx fejn imorru jistudjaw.
Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-Air Malta u qal li l-gvern ipprova jżejjen u jieħu kreditu għall-fatt li l-Air Malta falliet formalment. Hu kompla li l-gvern jista’ jipprova jgħatti dak li seħħ meta fil-fatt sofra l-poplu, id-dehra tal-pajjiż u l-ħaddiema.
Adrian Delia qal li l-PN għamel diversi mistoqsijiet u qajjem punti ta’ preokupazzjoni dwar l-konsulenza li kien hemm mal-kumpanija Nighthood Global għall-Air Malta. Hu kompla li din il-kumpanja kienet ingħatat konsulenza biex tagħti l-aħjar metodi kif tkun salvata l-Air Malta fil-kuntratt orġinali.
Jirriżulta li l-pariri tagħhom jew fallew jew ma kinux ikkunsidrati għaliex l-Air Malta falliet, sostna Adrian Delia, li kompla li dawn tħallsu mijiet ta’ eluf ta’ ewros għall-pariri li taw. Issa l-gvern se jqabbad lill-istess kumpanija biex tagħti pariri dwar se ssir it-transizzjoni għall-kumpanija l-ġdida.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li s-salarji li ngħataw dawn il-konsulenti kienu enormi fejn iċ-Chief Commercial Officer tħallas €250,000, ic-Chief Operation Officer tħallas €250,000, iċ-Chief Engeneer tħallas €200,000 u ċ-Chief Strategy Officer kellu salarju ta’ iktar minn €200,000.
Hu qal li l-ħaddiema Maltin qed ikunu trattati b’mod ferm differenti mill-konsulenti barranin li wasslu biex l-Air Malta tfalli. L-episodju tal-Air Malta jingħalaq meta toħroġ il-verità kollha marbuta ma’ din il-konsulenza.
Hu tkellem dwar it-trasport tal-art u qal li dan kien u hu settur li fih kien hemm falliment kullimkien. Dan hu settur mifni bl-iskandli, fallimenti u u-turns.
Dwar l-iskandli, hu qal li kien hemm l-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan, fis-settur tad-dgħajjes, fl-immaniġġjr tat-traffiku, tal-kuntratti u d-direct orders lis-settur privat fl-istess maniġġjar tat-traffiku, l-iskandlu tat-tags tax-xufiera u l-protezzjoni lil Christain Borg, li hu protett mill-Prim Ministru. Minkejja ir-record ta’ Christian Borg, xorta l-klijenti tiegħu jibqgħu Transport Malta u l-LESA. Ħadd mhu jifhem kif ir-regolatur li suppost jagħti eżempju, jkun kompliċi ma’ dak li qed jopera kontra l-liġi.
Adrian Delia tratta l-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan u qal li l-konsegwenza hi l-inċidenti fit-toroq u l-perikli li hawn. Dak li qed iseħħ fi Transport Malta hu skandaluż, sostna Adrian Delia, li kompla li l-imsieħba soċjali sejħu din is-sitwazzjoni bħala anarkija waħda ta’ nuqqas ta’ trasparenza waqt li l-Ministru Farrugia jgħid biss li dak seħħ sentejn ilu u mhux illum.
Id-deputat Nazzjonalista qal li minkejja t-theddida għat-toroq Maltin minn dan l-iskandlu, il-Prim Ministru ddikjara li din kienet is-sistema kif taħdem il-politika f’Malta. Dan hu kundannabbli, sostna Adrian Delia, li kompla li l-gvern qed jibgħat messaġġ u eżempju li l-ħażin hu tajjeb u għandu jkun protett.
Id-deputat Nazzjonalsta tkellem dwar il-fallimenti fit-trasport u qal li ftit snin ilu l-gvern kien ħabbar investiment ta’ €700 miljun fuq seba’ snin biex ikunu rranġati t-toroq kollha. Hu qal li sa minn meta tħabbar dan l-investiment, il-PN kien qal li dan kien impossibbli għaliex il-gvern ma kienx qed jaħseb għal soluzzjoni b’investiment kapitali kif ikun maniġġjat it-traffiku. Illum hawn kunsens minn kulħadd li fi ftit snin il-pajjiż se jiġġammja.
Din is-sitwazzjoni tfisser li l-problemi tas-sigurtà fit-toroq żdiedu b’4,000 inċident u b’żieda ta’ 65 karozza kuljum fit-toroq Maltin.
Waħda mill-problemi li l-eluf ta’ barranin li ġew Malta li kollha huma ‘l fuq minn 18-il sena u li qed ikabbru l-problemi fit-toroq Maltin. Minbarra dan, sostna Adrian Delia, hemm l-effetti ambjentali fuq Malta, li issa hi fuq quddiem fl-Ewropa fl-emissjonjiet. Flok soluzzjonijiet, il-gvern qed diġib biss skużi differenti kuljum.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern iddikjara li l-akbar sfidi huma fit-traffiku u fil-kwalità tal-arja; li hi t-tieni l-agħr fl-Ewrpopa kollha. Minkejja dan, fil-budget ma kien hemm l-ebda proposta.
Hu semma’ t-trasport pubbliku u qal li l-gvern qed jgħid biss li se jirrevedi l-master plan għat-trasport sal-2030.
Adrian Delia qal li l-gvern mhux jippjana dwar miżuri li jikkontrollaw it-traffiku għaliex għall-gvern it-traffiku hu perċezzjoni.
Jidher li l-gvern qed joffri biss proposta għal siegħa waħda biss fit-traffiku u m’hemmx investiment kapitali dwar is-settur. Il-poplu se jibqa’ jistenna fit-traffiku taħt il-gvern Laburista. Fil-fatt kien hemm tnaqqis ta’ €20 miljun fix-xogħlijiet fit-toroq.
Hu semma’ l-iscooters u qal li l-gvern għamel u-turn għaliex l-affarijiet ma sarux . L-istess għamel fil-karozzi bil-y plates fejn l-ewwel il-gvern mela kullimkien bihom u se jbiddel il-liġi għax induna li din ma kinitx tajba.
L-ikbar u-turn hi dik dwar il-metro fejn issa l-Prim Ministru qed jgħid li din m’għadiex prijorità wara li tant nefaq flus fir-riklamar tagħha. Iżda minkejja din id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru, il-Ministru Farrugia xorta qed jgħid li l-gvern xorta għadu qed jikkunsidra din il-metro.
Adrian Delia qal li l-PN qed jipproponi diversi proposti fosthom dwar l-introduzzjoni tal-ħinijiet għas-servizz, dwar il-ħaddiema tal-fabbriki, dwar il-kostruzzjoni, dwar l-iskejjel; dwar ix-xogħol mid-dar; dwar servizzi on-line; dwar ir-rotot tal-linja; dwar it-tip ta’ vetturi tat-trasport pubbliku; dwar l-ħolqien ta’ parkeġġi fiċ-ċentri kummerċjali; dwar intelliġenza artifiċjali fl-immaniġġjar tat-traffiku; dwar rotot alternattivi bil-baħar; dwar inċentivi ta’ trasport għall-anzjani u ż-żgħażagħ; dwar il-kunsiderazzjoni ta’ tarspot tal-massa u dwar it-tibdil fil-mudell ekonomiku.
Illum hawn 550,000 persuna jgħixu f’Malta li telgħu minn 400,000 persuna u l-pjani tal-gvern huma li l-pajjiż ikollu 800,000 persuna fi ftit snin oħra; żieda bi 300,000 persuna. F’20 sena se tkun irdoppjat il-popolazzjoni. Jekk mhux se jinbidel il-mudell ekonomiku, il-problema se tiggrava fejn il-poplu mhux se jkun jista’ juża t-troq tal-pajjiż, sostna Adrian Delia.