Fi tmiem il-ġimgħa, ħolma saret realtà għal Samuele Andolina, ġellied lokali minn Team Noel Kickboxing Club, meta taħt id-direzzjoni tà Master Noel Mercieca pparteċipa f’wieħed mill-aktar tournaments internazzjonali prestiġjużi fl-arti marzjali gewwa l-Italja, magħruf bħala Oktagon.
Bis-sehem tiegħu fl-avveniment Oktagon f’Turin, ġewwa l-Italja, Samuele Andolina ħalla marka
oħra fejn, flimkien mal-ġellieda ewlenin l-oħra minn madwar id-dinja, ismu ġie mniżżel fil-“Main Card
Category” bħala parti mill-“pay-per-view” sabiex l-avveniment ġie imxandar madwar id-dinja. Apparti
l-ġlied l-oħra l-avveniment offra wkoll tliet ISKA Title Fights.
Bħas-soltu bi prestazzjoni brillanti, Samuele Andolina wettaq ġlieda eċċellenti kontra l-ġellied
mill-Moldova, Alexandru Cazacinschi. Fi ġlieda ta’ 3 x 3, Samuele Andolina uża kombinazzjonijiet ta’ “middle kicks” u “punches” mix-xellug sabiex żamm l-offensiva fuq avversarju tul il-ġlieda kollha.
Fi tmiem il-ġlieda, il-ġudikanti kellhom diffikultà biex jiddeċiedu min kien ir-rebbieħ, hekk kif iż-żewġ
ġellieda taw wirja mill-aqwa fi ġlieda li kienet ferm bilanċjata. Sfortunatament, minkejja li Samuele
kellu kliem ta’ tifħir minn diversi spettaturi u l-kummentatur tat-televiżjoni tal-avveniment, kienet deċiżjoni maqsuma ta’ “split decision” li l-ġellied mill-Moldova rebaħ bil-punti.
Noel Mercieca esprima d-diżappunt tiegħu għad-deċiżjoni tal-ġudikanti filwaqt li kkomplimenta wkoll lill-istudent tiegħu Samuele Andolina għall-prestazzjoni eċċellenti. Barra minn hekk, huwa żied jgħid li bil-parteċipazzjoni ta’ Samuele f’avveniment tant sinifikanti tal-kickboxing bħal dan huwa ppromwova l-isports talkickboxing Malti.
Andolina esprima wkoll il-gratitudni tiegħu għal opportunità daqsekk prestiġjuża li minkejja li tilef bi “split decision”, issa qed jistenna bil-ħerqa sabiex jerġa’ jibda jitħarreġ biex ikun ippreparat għal opportunitajiet oħra fil-futur qarib.
