Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ 40 sena ħabs għall-aħwa Degiorgio fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat is-sentenza ta’ 40 sena ħabs mogħtija lil George u Alfred Degiorgio għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn ċaħdet l-appell tagħhom. F’Ottubru 2022, George Degiorgio ta’ 59 sena, magħruf bħala ċ-Ċiniż u ħuh Alfred Degiorgio ta’ 57 sena, magħruf bħala il-Fulu, kienu ġew ikkundannati 40 sena u ordnati jħallsu €42,930 kull wieħed fi spejjeż legali għas-sehem tagħhom fl-assassinju. tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ €50,000 oħra mingħand l-irġiel, fuq proċeduri kriminali. L- aħwa kienu wieġbu ħatja fl-ewwel jum tal-proċess tagħhom fil-ġuri, ftit wara l- waqfa wara nofs in-nhar, kienu reġġgħu lura mill-ammissjoni tagħhom u qalu li ma kinux ħatja.

Iżda ż-żewġ aħwa kriminali sussegwentement wara biss ġimgħatejn ressqu appell, u talbu li l-kawża tinstema’ mill-ġdid. L-appell kien ippreżentat mill-avukati l-ġodda tad-Degiorgios, Noel Bianco u Leslie Cuschieri, li sostnew li l-avukati tal-għajnuna legali maħtura biex jirrappreżentaw lill-aħwa fil-proċess ma kellhomx żmien biżżejjed biex jgħarblu l-muntanji tal-provi, wara li l-avukat tal-għażla tagħhom, William Cuschieri , kien iddeċieda li ma jkomplxi bil-każ sitt ġimgħat biss qabel kien skedat li jibda l-ġuri.

Il-Qorti Kriminali kienet ħatret lill-avukati Simon Micallef Stafrace u Martin Farrugia bħala avukati tal-għajnuna legali, inizjalment mingħajr ma ddewwem biex jippresedu l-ġuri. L-avukati tal-għajnuna legali kienu nfurmaw lill-qorti li kien impossibbli li jistudjaw l-11,000 paġna ta’ evidenza, kif ukoll is-77,000 fajl awdjo viżiv u vidjo fiż-żmien li kien fadal qabel il-bidu tal-proċess.

L-akkużati kienu applikaw ukoll lill-qorti Kostituzzjonali għal miżura provviżorja, li tipposponi l-proċess, iżda din ġiet miċħuda wkoll, għalkemm id-data tal-proċess mar lura b’10 ijiem. Is-sentenza, li ċaħdet l-appell, ingħatat l-Erbgħa filgħodu, preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Joseph R. Miucallef u Giovanni M. Grixti. L-aħwa Degiorgio issa huma mifhum li qed jikkontemplaw li jippreżentaw proċeduri Kostituzzjonali, fid-dawl li l-appell tagħhom jiġi miċħud.