Lokali Parlament

L-Ispeaker jikkundanna lil Clayton Bartolo u jiddikjara li ma mexiex skont il-proċeduri fil-PAC

F’ruling mogħti fil-parlament, l-Ispeaker Anġlu Farrugia kkundanna lill-Ministru Clayton Bartolo li nqabad jgħaddi mistoqsijiet lil xhud qabel is-seduta tat-Tlieta li għadda u ddikjara li dak li għamel il-Ministru Clayton Bartolo ma kienx skont il-proċeduri tal-PAC.


Dan ir-ruling kien mitlub miċ-Chairman tal-PAC d-deputat Nazzjonalista Darren Carabott wara li fil-PAC tat-tlieta li għadda l-Ministru Bartolo nqabad u ammetta li kien għadda numru ta’ mistoqsijiet lix-xhud l-ekonomista Gordon Cordina dwar ix-xhieda li hu kien se jagħti dar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.


L-Ispeaker qal li x-xhud Gordon Cordina mill-ewwel qal li kellu kuntatt mal-Ministru Clayton Bartolo u li kien irċieva linja gwida dwar x’se jkunu l-mistoqsijiet fil-laqgħa.


Fir-ruling intqal li fil-linji gwida tal-2011 tal-PAC jingħad li l-kumitat jista’ jagħti linji gwida lix-xhieda iżda l-mistoqisjiet mhumiex parti mil-linja gwida.


Ir-ruling ikompli li l-linji gwida jitrattaw ix-xhieda ta’ kull xhud fil-PAC fejn jingħad li xi theddid li jista’ jingħad fil-konfront tax-xhud jammonta għal kusr ta’ privileġġ mill-membru li jkun wettqu.


L-Ispeaker ikkonkluda li l-ekonomista Gordon Cordina ma kienx mhedded jew ta xi xhieda mbagħbsa quddiem il-PAC.


L-Ispeaker qal li l-mistoqsijiet li Gordon Cordina rċieva mingħand Clayton Bartolo kienu fuq inizjattiva tiegħu, iżda proċeduralment il-Ministru Bartolo kien skorrett u ma mexiex skont il-proċedura. Kien ikun ferm aħjar li kieku Clayton Bartolo għadda l-mistqosijiet lill-membri kollha tal-PAC biex waqt li jsiru d-domnadi, l-membri jkunu jafu bihom.


L-Ispeaker qal li l-membri ma jistgħux jieħdu inizjattivi personali kif għamel l-Ministru Bartolo dwar il-mistqosijiet. Hu qal li min jikkorrompi jew jipprova jinfluewnza xhud, jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-pulizija u allrua l-każ imur quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi.


Jirriżulta li fil-PAC tat-Tlieta, ix-xhud Gordon Cordina ma kienx imbeżża’, influwenzat jew imqarraq, sostna l-Ispeaker, li rrakkomada li jekk ikun meħtieġ, ix-xhud Gordon Cordina jerġa’ jissejjaħ quddiem il-PAC biex jagħti iktar xhieda.