Il-korporazzjoni multinazzjonali Ġappuniża Hitachi Zosen talbet għar-rekuża ta’ żewġ membri tal-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi fuq kunflitt ta’ interess f’seduta twila ta’ smigħ l-Erbgħa dwar offerta “irregolari” mogħtija lil konsorzju bejn il-kumpanija tal-kostruzzjoni Bonnici Brothers u l-kumpanija Franċiża tal-immaniġġjar tal-iskart Paprec.
Permezz tal-avukati Adrian Delia u Matthew Paris, Hitachi talab li ċ-Chairman tal-bord Kenneth Swain u l-membru tal-bord Vincent Micallef jirrikużaw ruħhom minħabba kunflitt ta’ interess. Huma rriffjutaw li jirreżenjaw wara li minkejja li ammettew li għandhom rwol f’Korporazzjonijiet tal-Gvern, skont huma ma jfissirx li ma jistgħux ikunu imparzjali.
Mhux eskluż li wara li l-bord ma laqgħex it-talba għar-riżenja l-Avukati tal-kumpanija Hitachi Zosen jieħu dan il-każ fil-Qrati Maltin. Din is-sejħa għall-offerti ta’ €600 miljun kienet kontroversjali mill-bidu nett. Dan għaliex il-parteċipazzjoni ta’ Bonnici Brothers, il-kuntrattur lokali m’għandu l-ebda esperjenza fl-industrija tal-enerġija dwar l-iskart – iżda huwa ferm, qrib il-Prim Ministru Robert Abela.
Kenneth Swain huwa membru tal-bord tal-Mediterranean Offshore Bunkering Company Limited kif ukoll huwa fuq il-bord tal-Enemalta maħtur mill-Ministru tal-Ambjent, Enerġija u Intrapriża. Huwa wkoll azzjonist fil-Malta Government Investments Limited.
L-Avukat Vincent Micallef huwa membru tal-bord mal-Water Services Corporation, li huwa wkoll azzjonist tagħha u fid-19 ta’ Lulju li għadda ġie appuntat mal-kumpanija ClearFlowPlus plc. Żewġ membri oħra li fuq dan it-tender mhumiex parti, imma huma membri tal-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi, huma Stefanie Scicluna Laiveira li għandha konnessjoni mal-WasteServ Malta, li hi parti intrinsika minn dan il-kuntratt u Lawrence Ancilleri, missier Kirsten Ancilleri li huwa membru fil-bord tal-WasteServ Malta Limited.
Il-Ministeru tal-Ambjent ta l-offerta ta’ €600 miljun għal faċilità ta’ inċineratur fil-Magħtab permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti wara li “b’mod żbaljat” żvela informazzjoni finanzjarja sensittiva dwar l-offerenti waqt li kienu għaddejjin in-negozjati.
Il-konsorzju Franċiż Paprec Energies, li fih il-Grupp Bonnici għandu sehem ta’ 40%, assigura l-istatus ta’ offerent rakkomandat għall-bini u t-tħaddim tal-impjant għal 20 sena, u għeleb lil żewġ offerenti finali oħra. Il-Grupp Bonnici ta’ Malta huwa l-uniku azzjonist Malti fost l-offerenti.
Is-suppost ‘żball’ kontra r-regoli kien sar wara li l-gvern ippubblika l-prezzijiet indikati mill-kompetituri qabel iż-żmien, li wasslet biex inkixfu dettalji f’mument kruċjali meta l-bidders suppost kienu qed jikkompetu bl-aqwa u l-aħħar offerta tagħhom fl-aħħar stadju tal-kompetizzjoni.
Filwaqt li f’dak l-istadju, id-Dipartiment tal-Kuntratti kien ingħata l-parir li jwaqqaf il-proċess biex jevita problemi legali futuri, l-uffiċċju tal-Prim Minisru baqa’ jinsisti li jagħti dan il-kuntratt sostanzjali lil Paprec-Bonnici Brothers.
Hitachi Zosen Inova AG – Terna. li ressqet l-appell u li hi kumpanija multinazzjonali Ġappuniża qed tiddikjara li l-gvern kien ippubblika b’mod irregolari l-offerti finanzjarji li ma jorbtux li kienu għamlu wħud mill-offerenti meta l-proċess kien għadu għaddej, u li din hi irregolarità li għandha l-effett li tfixkel il-kompetizzjoni u xxekkel proċess ġust.
Il-kuntratt kompla juri kemm kien wieħed “irregolari” f’dikjarazzjoni ta’ FCC Medioambiente International bidder multinazzjonali ieħor li ħa sehem fis-sejħa għall-offerti. Huwa kien qal lill-Bord tal-Analiżi tal-Kuntratti Pubbliċi (magħruf bħala il-PCRB), li il-kumpanija tiegħu għandha b’esperjenza twila fi proġetti simili madwar l-Ewopa, u li din akkużat lill-gvern Malti li wettaq “evalwazzjoni superfiċjali” u kiser ir-regoli.
FCC qalet ukoll li l-offerta tal-magħżul tal-gvern – konsorzju li jinvolvi lil Paprec minn Franza u lill-kuntratturi Maltin – mhijiex fattibbli, u allura ma tistax titwettaq fil-prattika. Skont FCC ukoll, “l-offerta magħżula ta’ Paprec-Bonnici hi “baxxa b’mod li mhuwiex normali”, u għandha tiġi investigata għall-possibbiltà li tiġi skwalifikata.
L-istess kif iddikjarat FCC, Hitachi wkoll qed tgħid li hu mpossibbli li Paprec-Bonnici twettaq il-proġett b’dak il-prezz kieku kellha tipprovdi t-teknoloġija mitluba fis-sejħa. Id-Dipartiment tal-Kuntratti u l-Wasteserv it-tnejn ma laqgħux dawn id-dikjarazzjonijiet.
//= $special ?>