Lokali Qorti

Raġel maħrub li qed jiffaċċja akkużi ta’ serq bl-armi se jinbagħat lura Malta, wara li ġie arrestat fil-fruntiera bejn il-Kroazja u s-Serbja

Raġel akkużat b’rabta mas-serqa bl-armi ta’ koppja fir-residenza tagħhom fin-Naxxar, sena ilu, ġie arrestat fuq il-fruntiera bejn il-Kroazja u s-Serbja, wara li ħarab minn Malta waqt li kien fuq libertà proviżorja. Minn sorsi ta’ min jorbot fuqhom jirriżulta li Vladimir Pajic ta’ 27 sena mis-Serbja nqabad mill-pulizija Kroata fl-24 ta’ Ottubru, waqt li kien qed jipprova jaqsam il-fruntiera fis-Serbja.

Huwa kien arrestat bis-saħħa ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Maltin u mistenni jiġi rritornat Malta fil-ġimgħat li ġejjin. F’Novembru tal-2022, Pajic kien ġie mixli b’serq aggravat bi vjolenza, mezzi u ammont, flimkien ma’ Victor Markovic ta’ 40 sena mis-Serbja u Milica Kurcubic ta’ 30 sena minn Franza.

Waqt l-akkuża, fil-Qorti ngħad li Pajic u l-irġiel l-oħra daħlu f’appartament fin-Naxxar, li fih kien hemm raġel Olandiż ta’ 42 sena u Franċiża ta’ 29 sena. Il-ħallelin kienu rabtu lill-koppja u talbuhom biex jgħaddu l-flus u oġġetti oħra, b’pistola ippontata lejhom.

Ir-raġel ingħata daqqiet ta’ sikkina f’żaqqu u sofra minn ksur ta’ sinna meta wieħed mill-ħallelin għamel il- pistola f’ħalqu. Fis-serqa nsterqu ‘il fuq minn €2,300 fi flus kontanti u oġġetti ta’ valur. L-investigazzjonijiet indikaw li l-mara li kienet fl-appartament mal-vittma kienet, fil-fatt, kompliċi, u li kienet ikkonfoffat mal-ħallelin biex tisraq lill-vittma. L-avukati Stefano Filletti u Maurice Meli qed jirrappreżentaw lill-vittma bħala parte civile.

Pajic mhux l-uniku wieħed mill-allegati ħallelin li minn dakinhar kellu aktar problemi mal-liġi. Markovic reġa’ ġie arrestat f’Awwissu ta’ din is-sena, b’rabta ma’ attentat fallut biex jisraq lil Paschalino Cefai – li hu wkoll mhux xi novizz għall-kriminalità vjolenti – b’armi tan-nar jinstabu fid-dar ta’ Cefai. Cefai kien irreaġixxa billi gidem parti minn imnieħer Markovic.