Lokali

Sena mill-qtil ta’ Bernice Cassar

Repubblika tfakkar l-ewwel anniversarju tal-mewt kiefra ta’ Bernice Cilia (Cassar) li ċċaħħdet minn ħajjitha, minn uliedha, mill-familja u mill-karriera tagħha. L-istorja ta’ Bernice hija bħal dik ta’ wisq nisa oħra li sofrew il-mewt minħabba vjolenza tal-irġiel li suppost ħabbewhom. Għalkemm il-parlament ivvota malajr liġi kontra l-femiċidju, pajjiżna mhux jagħmel biżżejjed biex jipproteġi lin-nisa mill-irġiel li jhedduhom u jsawtuhom u jġegħluhom jgħixu fit-terrur.

Repubblika tinnota li għalkemm ittieħdu xi passi biex is-sitwazzjoni titjieb, dawn huma ftit wisq, u b’hekk in-nisa għadhom jgħixu ħajja ta’ infern u periklu. Aħna neżiġu li “protection order” ma tibqax biċċa karta li ma tiswa xejn. Irridu naraw xogħol konkret miexi lejn sitwazzjoni fejn mhux il-mara jkollha tissakkar mat-tfal tagħha f’xi refuġju biex taħrab minn żewġha jew il-partner tagħha, iżda li dan jitwarrab minnha mal-ewwel sinjal ta’ periklu.

Ninnutaw ukoll li hemm bżonn li ssir edukazzjoni mal-irġiel, minn età żgħira kif ukoll meta jikbru, li f’demokrazija m’hemmx post għall-mentalità ta’ patrijarkat, fejn ir-raġel iħossu superjuri għall-mara u din tiġi taħtu. Id-demokrazija tfisser ugwaljanza, u l-istat kif ukoll kull ċittadin(a) għandhom jaħdmu biex din l-ugwaljanza sseħħ tassew. Il-qtil barbaru ta’ mara juri li pajjiżna għadu jrid jistinka ħafna biex jasal għal din is-sitwazzjoni.