Sport Waterpolo

Stefan Licari u Richard Magri jsiru referees internazzjonali tal-LEN

Ir-referees Stefan Licari u Richard Magri komplew ikabbru l-lista ta’ referees Maltin li jinsabu fil-lista tal-LEN. Fl-aħħar jiem Licari u Magri għaddew mill-aħħar eżamijiet tagħhom fil-belt Torka Istanbul wara li kienu għamlu l-eżami tat-teorija f’Żagreb.

Din l-aħbar tfisser li issa l-ASA għandha sitt referees li jistgħu jikkontrollaw logħbiet internazzjonali. Minbarra Licari u Magri, ir-referees l-oħra huma Massimo Angileri, Alex de Raffaele, Neville Mercieca u Peter Balzan, b’tal-aħħar jinsabu fl-aħħar fażi tal-karriera internazzjonali tiegħu.

Impenji internazzjonali għal Angileri u Balzan

Intant żewġ impenji oħra internazzjonali fil-ġimgħat li ġejjin għar-referees Maltin tal-waterpolo. Massimo Angileri u Peter Balzan se jikkontrollaw partiti mill-kwarti tal-finali taċ-Challenger Cup tal-LEN.

Angileri flimkien mar-referee mil-Litwanja Nerijus Papaurelis se jikkontrollaw l-ewwel leg KVP Novaky tas-Slovakkja u SC Kreuzi Ingen tal-Iżvizzera, logħba li se tintlagħab is-Sibt 25 ta’ Novembru.

Ġimagħtejn wara jkun imiss lil Peter Balzan li jikkontrolla t-tieni leg bejn Carouge Natation tal-Iżvizzera u AVK Triglav Kranji tas-Slovenja. Balzan se jkun mgħejjun mir-referee Belġjan Alain D’Hossche.

Dawn l-aħbar issegwi l-appuntamenti internazzjonali li kellhom Massimo Angileri u Alex de Raffaele x-xahar li għadda miċ-Challenger Cup tan-nisa u l-irġiel rispettivament.

Angileri kien parti minn grupp ta’ referees waqt ir-Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni miċ-Challenger Cup tan-nisa fir-Repubblika Ċeka u kkontrolla tliet logħbiet. De Raffaele kkontrolla ħames logħbiet minn Grupp B taċ-Challenger Cup tal-irġiel fil-Belġju.