Numru ta’ studenti kellhom jarġgħu jibdew jieħdu l-lezzjonijiet online, mhux minħabba xi pandemija imma għax dawn l-istudenti spiċċaw mingħajr klassi fejn jagħmlu l-lezzjonijiet.
Net News jista’ jikkonferma illi l-Istudenti tal-MCAST ta’ Raħal Ġdid li jistudjaw l-ICT se jibdew jingħataw l-lezzjonijiet online minn nhar il-Ħamis, għax il-binja ta’ fejn issoltu kienu jsiru l-lezzjonijiet hija ikkundanata.
Mhux talli hekk talli t-Tlieta spiċċat waqghet biċċa konkos propju ħdejn l-istudenti wara li dawn tħallew hemmhekk b’periklu kbir għal saħħithom.
Issa li ttieħdet id-deċiżjoni li din il-binja ma tistax tibqa’ tintuża …. l-istudenti se jkollhom isegwu l-lezzjonijiet mid-dar tagħhom stess, għax il-binja l-ġdida fejn suppost kellhom jibdew issiru l-lezzjonijiet għadha mhix lesta. Bil-Gvern jaħli Sajf sħiħ, meta faċilment seta’ sar dan ix-xogħol.
Bosta ġenituri li tkelmu ma’ Net News qalulna li jinsabu diżappuntati u urtati b’ dan l-aġir minn naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela li qed ikaxkar saqajh biex jitlesta xogħol infrastrutturali li huwa tant essenzjali għall-istudenti.
Ġenituri oħra qalulna li meta l-lezzjonijiet isiru mid-dar dan iżid mal-istress li jkollhom dawn l-istudenti hekk kif la jkunu jistgħu jiltaqghu ma sħabhom u lanqas ikunu jistgħu jifhmu daqs meta jkunu preżenti fil-klassi.
Apparti minn hekk, ħafna studenti tal-MCAST qed jilmentaw għall-fatt li dan ix-xogħol fuq il-binja tal-ICT kellu jsir qabel bdiet is-sena akkademika l-ġdida.
//= $special ?>