Lokali

Applikazzjoni ta’ impjant tal-asfalt 500m bogħod mir-residenti; Tissejjah protesta għal nhar il-Ħadd

Applikazzjoni ta’ impjant industrijali tat-tarmak u l-konkrit f’zona residenzjali fl-Imqabba qajmet kontroversja sħiħa wara li r-residenti ġew mgħarrfa li dan l-impjant se jkun biss 500 metru ‘l bogħod minnhom.

Il-Kunsill Reġjonali tal-Punent sejjaħ laqgħa urġenti sabiex jiddiskuti din il-materja bil-Gvern għadu ma lissen l-ebda kelma dwar dan il-proġett. 

L-applikazzjoni tgħid li l-kumpanija tibda topera l-impjant tal-asfalt f’barriera li mhix qed tintuża’ fl-Imqabba; minflok fejn tinsab illum f’Ħal Far. Din id-deċiżjoni qed tinkwieta ferm kemm lir-residenti tal-Imqabba iżda anke ta’ rħula fil-madwar, fosthom dawk tal-Qrendi, ż-Żurrieq u s-Siġġiewi.

Kien fid-dawl ta’ dan li r-residenti sejħu protesta fil-pjazza tal-Qrendi li se tkun qed issir il-Ħadd li ġej fl-10am – apparti li saret petizzjoni wkoll mir-residenti sabiex isemmgħu leħinhom dwar dan.

L-uffiċjal tal-Awtorità tal-Ippjanar li kien responsabbli minn dan il-każ ta rakkomandazzjoni li din l-applikazzjoni tiġi approvata fl-14 ta’ Novembru. Iżda is-smiegħ għall-applikazzjoni ġie postposta wara skrutinju mill-pubbliku.

Dan l-impjant se jkun ta’ detriment għas-saħħa tar-residenti filwaqt li se tinqered il-kwalità ta’ ħajja f’dawn il-lokalitajiet.

Il-Gvern kien wiegħed fil-manifest elettorali għall-elezzjoni li għaddiet – il-5 wiegħda ‘l-ambjent għal kwalità ta’ ħajja aħjar’; u wiegħda 327 ‘Ambjent nadif li huwa ta’ benefiċċju għalina lkoll’. Għalkemm jidher illi dan ma japplikax għar-residenti tal-Imqabba, Qrendi, Żurrieq u s-Siġġiewi.