L-għaqda Repubblika qed tinsisti illi Malta teħtieġ liġijiet li jikkumpensaw lill-vittmi tal- korruzzjoni.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet intqal illi l-amministrazzjoni tajba, bi Gvern ħieles mill-korruzzjoni, huwa dritt. U meta l-istat ifalli milli jkollna dan … jeħtieġ jagħti rimedju lill-vittmi.
“Il-missjoni tagħna hi li ninsistu favur repubblika iktar ġusta u iktar sigura,” qal il-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina. “Din il-missjoni jeħtieġ li tinkludi t-tfassil u t-twaqqif ta’ viżjoni artikolata għal qafas legali aħjar minn dak li għandna llum. Bżonn ta’ liġijiet aħjar.”
Id-dokument imniedi minn Repubblika jgħid li pajjiżna jrid jiżgura li bħala komunità nibdew indewwu l-ġrieħi li kkawżat il-korruzzjoni.
Irridu nagħrfu wkoll li anke meta nqumu fuq saqajna minn deċennju ta’ skandli devastanti, xorta jibqa’ l-potenzjal tal-korruzzjoni. U għalhekk, irridu nitgħallmu minn din l-esperjenza u niżguraw li jingħalqu għalkollox it-toqob leġiżlattivi.
Parzjalment, dan id-dokument tnissel mill-esperjenza ta’ Repubblika fil-ġlieda għar-rikonoxximent ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem li sofrew il-klijenti kollha ta’ ARMS Limited talli kellhom jagħmlu tajjeb fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-prezz qares tal-ftehim korrott mal-Electrogas.
Repubblika qalet li hu intollerabbli li l-persuna akkużata mill-Istat li kienet il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li nqatlet biex titwaqqaf milli tikxef it-tixħim li dik il-persuna ħallset jew wiegħdet li tħallas lill-Ministri biex tingħata d-deal tal-enerġija, tibqa’ tagħmel profitti minn dak il-ftehim – anki waqt li qiegħda fil-kustodja preventiva.
Dan id-dokument huwa maħsub biex japplika għal Malta l-prinċipji stabbiliti u rakkomandati minn diversi entitajiet internazzjonali.
//= $special ?>