Internazzjonali

Gaza: Il-pawża fil-ġlied issir effettiva mill-Ġimgħa

Il-pawża fil-ġlied ta’ Gaza għandha ssir effettiva mill-Ġimgħa filgħodu, għalkemm Iżrael qed ifakkar li din hi biss miżura temporanja u fejn — wara l-perjodu indikat — beħsiebu jkompli bil-kampanja biex jelimina t-theddida mit-terroristi tal-Ħamas.

Il-Qatar – wieħed mill-medjaturi li stinkaw għall-waqfien fil-ġlied – għadu kemm ħabbar il-ħin ‘uffiċjali’ fejn il-pawża tidħol fis-seħħ u fost stqarrija li maż-żmien, se jinħelsu l-ewwel fost għexieren ta’ ostaġġi Iżraeljani.

Aktar kmieni llum l-Armata ta’ Iżrael kompliet bl-offensiva  fuq it-terroristi tal-Ħamas f’Gaza wara xi intoppi għall-ftehim milħuq bejn il-partijiet kollha biex il-gwerra tieqaf għal erbat ijiem minħabba raġunijiet umanitarji. Il-kelliema Iżraeljani, qalu li l-ajruplani militari tagħhom, fi spazju ta’ 24 siegħa, laqtu mat-300 mira tal-Ħamas li kienu jinkludu mini, depots tal-armi u faċilitajiet oħrajn tat-terroristi.

Il-Ħamas hu marbut biex, għalissa, jeħles 50 mill-ostaġġi li t-terroristi kienu ħatfu fis-7 ta’ Ottubru meta invadew il-komunitajiet ta’ Iżrael u fejn ħallew l-eluf tal-mejtin u feruti. Fl-istess ħin, Iżrael għandu jeħles mal-150 priġunier Palestinjani waqt li josserva waqfien mill-ġlied għall-ewwel darba minn Ottubru.

Aktar qabel, xi sorsi qrib il-Gvern Iżraeljan qalu  li l-Ħamas kien qed joħloq l-intoppi għall-ftehim b’ ‘aktar domandi’ li ma kenux indirizzati qabel id-dikjarazzjoni ta’ nofs il-ġimgħa għall-waqfien mill-ġlied.