Il-Moviment Graffitti jikkundannaw il-mossa tal-Gvern tal-Labour, u l-Ministru Aaron Farrugia wara li ħareġ dokument ta’ strateġija bil-mira li jattira iżjed superyachts f’pajjiżna, kif ukoll nbeda pjan għar-reklamazzjoni tal-art.
L-Għaqda non-governattiva, fi stqarrija saħqu illi l-art u l-baħar ma għandhomx jitqiesu bħala sors ta’ qligħ għall-privat, dan għaliex huma l-ftit postijiet li fadal f’pajjiżna. Huma komplew jgħidu li l-artijiet u l-ibħra Maltin ma’ għandhomx jibqgħu jiġu sfrutati għall-profitt tal-ftit għad-detriment tal-poplu Malti u Għawdxi.
Dan filwaqt li stqarrew li huwa fatt li iktar jottijiet se jkomplu jikkapparraw il-ftit spazju liberu li għad fadal għat-tgawdija u s-serħan tan-nies.
Fl-istess dokument li ppreżenta Farrugia jiżvela li saru diversi konsultazzjonijiet mal-industrija tas-superyachts. U huwa għalhekk illi Moviment Graffitti saħqu illi l-aktar stakeholder importanti huwa l-pubbliku, li għadu sa issa ma ġiex ikkonsultat.
Moviment Graffitti sostnew illi anke b’regolazzjoni tajba, l-operazzjoni tal-jottijiet tirriżulta fi tniġġis organiku u tossiku fil-baħar, li jagħmel ħsara kbira fil-bijodiversità naturali. Apparti minn hekk, il-magni tal-jottijiet jarmu d-dijossidu tal-karbonju u gassijiet u partiċelli tossiċi oħrajn.
L-għaqda qed tinsisti illi kwalunkwe deċiżjoni se taffettwa bil-kbir l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti. Dan hekk kif stqarrew illi issa l-pubbliku huwa mxebba’ bit-teħid tal-art u l-isfruttar tal-ambjent.
//= $special ?>