Lokali

“Il-Gvern għandu d-dmir li jisma’ u jwettaq ħajja aħjar għal dawk li qed ibatu” – PN

“Quddiem il-faqar u t-tbatija li ilna naraw fl-aħħar xhur fost il-familji Maltin u Għawdxin, il-Gvern għandu d-dmir li jisma’ din il-karba u jwettaq ħajja aħjar f’pajjiżna.”

Kien dan li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista, Ivan Bartolo u Graziella Attard Previ fid-Dar Ċentrali, konferenza li ndirizzat l-aspett soċjali b’rabta mal-Budget 2024 li ġie ppreżentat fl-aħħar ġimgħat mill-Ministru Clyde Caruana.

Ivan Bartolo qal li minkejja li l-Gvern Laburista kien jgħidilna li kulħadd sar sinjur żgħir, ir-realtà qed turina li huma biss dawk tal-qalba li saru sinjuri żgħar, b’familji Maltin u Għawdxin bilkemm qed ilaħqu mal-ħajja, b’uħd saħansitra spiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Id-Deputat Nazzjonalista kompla jgħid kif qed naraw ħafna li qed jonfqu iktar milli kemm għandhom dħul, infieq li mhux qed isir b’kapriċċ iżda qed isir għal affarijiet mill-iktar bażiċi. B’din is-sitwazzjoni qed twassal biex diversi persuni qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Ivan Bartolo rrimarka kif fl-aħħar ftit xhur rajna il-waiting list tal-akkomodazzjoni soċjali tiżdied minflok tonqos, b’wiegħda fl-elezzjoni ġenerali ta’ iktar units li l-Gvern Laburista għadu ma wettaqx. Fil-fatt, bħalissa hemm iktar minn 1,500 persuna li qed jistennew għal housing soċjali, b’uħud ifittxu l-għajnuna ta’ qraba u ħbieb, b’oħrajn ilhom ix-xhur bla saqaf fuq rashom.

Minn naħa tagħha, id-Deputat Nazzjonalista, Graziella Attard Previ ffokat fuq it-tbatija li t-tfal Maltin u Għawdxin qed jgħaddu minn ta’ kuljum hekk kif jidher biċ-ċar li l-Gvern Laburista nesihom għal kollox.

Graziella Attard Previ qalet kif it-tfal għandhom bżonn ta’ ambjent terapawtiku, liema sitwazzjoni żgur mhux forsi mhux qed narawha hekk kif ir-realtà hi li fl-aħħar 10 snin rajna 517-il tifel u tifla li spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Dan apparti diversi każijiet ta’ tfal li qed jgħaddu minn abbuż online, fiżiku, u mentali. U kif hawnhekk fejn staqsiet x’qed isir u x’investiment se jingħata biex nipproteġu lit-tfal u l-familji Maltin u Għawdxin.

Graziella Attard Previ qalet kif is-servizz ta’ Child Development Assessment Unit (CDAU) mhux qed jagħti s-servizz meħtieġ għat-tfal kollha fil-bżonn, bil-Gvern li qed ifalli milli jindirizza l-problema fiż-żieda fil-mard sesswali, u s-sistema ta’ pajjiżna li qed tfalli milli tipproteġi lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.

Kien hawnhekk fejn il-Partit Nazzjonalista qed jistenna li l-Gvern Laburista verament jagħti Malta ġusta u trasparenti, fejn persuna tieħu dak li ħaqqha għax hi eleġibbli u jittieħed kif imissha u meta hu suppost.