Lokali

Il-GWU dejjem emmnet hemm ċirkostanzi meta l-ħaddiema għandhom jużaw is-sick leave biex jieħdu ħsieb lil uliedhom

Matul iż-żminijiet il-ħaddiem dejjem wera prinċipji sodi lejn il-post tax-xogħol fejn jaħdem. Dan għamlu fil-krii finanzjarja, waqt il-pandemija u anke meta post tax-xogħol partikolari jkun sejjer ħażin.  

Il-profil tal-ħaddiem fil-postijiet tax-xogħol tagħna qiegħed kontinwament jinbidel u anke l-ħtieġa tiegħu. Il-kunċett ta’ bilanċ bejn id-doveri familjari u dawk fuq il-post tax-xogħol ma għandu qatt ikun fuq il-karta biss. Dawn il-kunċetti ilhom jiġu diskussi kemm waqt in-negozjar kollettiv, kif ukoll fuq livell nazzjonali. Il-ħtieġa li ġenitur ikollu bżonn jibqa’ mat-tfal jekk dawn ikun morda mhux l-ewwel darba li l-GWU tkellmet fuqha.   

Il-General Workers’ Union dejjem emmnet li jkun hemm ċirkostanzi li l-ħaddiema għandhom jużaw il-vakanzi għall-mard (‘sick leave’) biex jieħdu ħsieb lil uliedhom meta jkunu morda. Infatti meta din is-sitwazzjoni ġiet diskussa waqt laqgħa fl-Employment Relations Board il-GWU kienet favur li jintużaw il-vakanzi għall-mard f’każ ta’ bżonn meta l-ulied ikunu morda. 

“Kontra għal dak li qed jintqal, li huwa mpossibbli tikkontrolla din il-miżura, min iħaddem xorta waħda jista’ jkollu kontroll tas-sitwazzjoni. Għalkemm diġà jeżistu l-vakanzi urġenti għall-familja għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza familjari, nafu lkoll kemm it-tfal jimirdu ta’ spiss. Ma nistax nifhem kif fil-passat riċenti kulħadd jitkellem dwar il-fiduċja fil-ħaddiema u f’daqqa waħda nitkellmu fuq nuqqas ta’ fiduċja. Minħabba l-fatt li llum kulħadd jaħdem, jiġu okkażjonijiet fejn wieħed mill-ġenituri jkollu bżonn joqgħod id-dar għax it-tfal ikunu ma jifilħux,” qal is-Segretajru Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja. 

“Jekk verament nemmnu fil-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol u għandna fiduċja fil-ħaddiema allura dawn l-affarijiet għandhom ikunu normali u mhux nitkellmu kontra tagħhom,” qal is-Segretarju Ġenerali.  

Intant il-GWU se tkun tkun qed tressaq il-proposti tagħha għad-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-Qafas ta’ Politika għat-Tfal 2024-2030.