Il-grupp ta’ 18-il ċiklist u t-tim ta’ back up tagħhom li qed jieħdu sehem fil-LifeCycle Challenge tal-2023 bdew l-aħħar tappa tal-vjaġġ ta’ preparazzjoni tagħhom hekk kif telqu minn Malta għal Bangkok, fit-Tajlandja, fejn mistennija jibdew l-isfida tagħhom nhar il-Ħadd li ġej.
Il-LifeCycle Challenge ta’ din is-sena se jkun qed jibda nhar il-Ħadd 26 ta’ Novembru, fejn iċ-ċiklisti se jkunu qed jitilqu minn Bangkok, sabiex jinżlu t-tul tal-peniżola tal-Asja tax-Xlokk, sakemm jaslu Kuala Lumpur fil-Malasja. Minbarra l-isfida ta’ rotta ta’ 2,000 kilometru li trid titlesta f’għaxart ijiem, iċ-ċiklisti se jkollhom jiffaċċjaw il-klima tropikali sħuna, umda u mxarrba.
Fil-kummenti tiegħu, Il-fundatur tal-LifeCycle (Malta) Foundation u parteċipant veteran tal-LifeCycle Challenge, Alan Curry tenna li minkejja li l-fondazzjoni hija kunfidenti fil-preparazzjoni fiżika u mentali, il-grupp huwa konxu tal-livell ta’ reżiljenza u l-isforz li huwa meħtieġ biex titlesta din l-isfida.
Sa mill-bidu li ġiet mwaqqfa l-LifeCycle Foundation f’pajjiżna, inġabru ‘il fuq minn 3.2 miljun ewro, li jmorru sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja biex tittaffa t-tbatija tal-pazjenti tal-kliewi.
Dawn il-fondi ħallew impatt kbir bħat-TRACCIA Software Support System, li huwa software użat fir-Renal Unit tal-Isptar Mater Dei għat-tqabbil ta’ donaturi tal-kliewi ma’ kandidati għal trapjant medikament kompatibbli, ukoll f’programm ta’ riċerka li għaddej bħalissa dwar il-mard kroniku fil-kliewi fl-Università ta’ Malta u pultruni ġodda għal pazjenti li jkunu qed jagħmlu d-dijalisi renali u l-vjaġġ annwali tal-pazjenti f’Lourdes.
//= $special ?>