Lokali Qorti

Jammetti li seraq kaxxa laħam u żarbun

Żagħżugħ ta’ 24 sena minn Bormla ammetta li fit-30 ta’ Ottubru li għadda seraq kaxxa laħam li kienet għadha kemm twasslet għal restorant fil-Belt. Gareth Fava ammetta wkoll quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li ġimgħa qabel seraq żarbun b’valur ta’ €250 minn ħanut f’Ħaż-Żabbar. Ammetta wkoll li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu biex ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq każ separat.

L-avukat Joe Brincat li deher għal Fava talab li jsir rapport qabel tingħata s-sentenza fejn talab ukoll li jingħata l-ħelsien mill-arrest. Fid-dawl tal-ammissjoni bikrija, il-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx. Il-Qorti laqgħet it-talbiet tad-difiża u qalet li fis-7 ta’ Diċembru se tisma’ x-xhieda u tara r-rapport tal-uffiċjal tal-probation. Ix-xhieda se jibdew jiddeponu fid-9am.

Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000 filwaqt li mponiet għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li jrid jiffirma l-għassa ta’ Bormla tliet darbiet fil-ġimgħa u jrid ikun id-dar bejn it-8pm u s-6am.