Graziella Galea, PN
Id-deputat Nazzjonalista appellat fil-parlament biex isir investiment ikbar fit-tfal u fil-mod kif il-ħiliet tagħhom ikunu żviluppati; dan quddiem l-isfidi li għaddejja minnhom is-soċjetà.
Graziella Galea qalet li hemm bżonn iktar koordinazzjoni bejn il-ministeri differenti minħabba li s-servizzi huma mifruxa fuq diversi entitajiet u ministeri.
Hi tkellmet dwar il-pensjonanti u qalet li d-diversi servizzi mogħtija lill-pensjonati għandhom jitjiebu; kemm għall-anzjani li jgħixu fid-djar tagħhom kif ukoll għal dawk li jgħixu f’istituzzjonijiet oħra.
Id-deptutat Nazzjonalista semmiet il-mediċini li jingħataw mill-POYC u qalet li mhux possibbli li l-anzjani jmorru l-Isptar San Luqa biex dawn jieħdu l-mediċini. Għalhekk għandu jkun hemm miżuri, anki bl-użu ta-ifnormatika, biex jittaffew id-diffikultajiet.
Graziella Galea qalet li fit-12-il distrett hemm iktar minn 1,600 tifel u tifla u għalhekk irid ikun hemm enfasi li kull tifel u tifla jkollhom id-drittijiet tagħhom imsaħħa. Kull informazzjoni li jkollu d-Dipartiment għandha tintuża għall-koordinazzjoni ma’ kull ministeru involut biex it-tfal ma jispiċċawx vittmi taċ-ċirkostanzi. Minbarra ż-żieda fl-allowance tat-tfal, għandu jkun assigurat li kull tifel u tifla jkolhom l-ambjent neċessarju fejn jgħix.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li t-tfal għandhom ikunu mħejjija għall-isfidi tal-ħajja u għalhekk għandu jkun hemm iktar investiment fil-ħaddiema soċjali. Hi semmiet is-CDAU u appellat li jkun hemm ingaġġ iktar ta’ impjegati biex it-tfal ikollhom futur aħjar; l-istess jingħad għall-LSEs.