Aktar kmieni illum, il-Gvern ħabbar il-pjan li se jdaħħal fis-seħħ fl-iskejjel fl-eqqel tal-kriżi li għandu mal-edukaturi – bil-Ministru Clifton Grima jindika b’mod ċar li se jibqa’ jwebbes rasu mal-għalliema.
Meta indirizza lill-media ftit tal-ħin ilu, il-Ministru tal-Edukazzjoni indika b’mod ċar li se jibqa’ jsabbat saqajh. Clifton Grima fil-fatt għamilha ċara li “it-taħdidiet mal-MUT isiru ladarba l-union tirtira d-direttivi.”
Mistoqsi minn Net News kemm hi d-diskrepanza bejn dak li offra l-Gvern u dak li verament ħaqqhom l-għalliema, Clifton Grima għażel li ma jweġibx.
Il-Ministru qalilna wkoll li quddiem din il-kriżi…hu ma jħossux li falla!
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-President tal-MUT Marco Bonnici stqarr illi l-edukaturi “jinsabu ferm diżappuntati bl-aġir tal-Gvern b’rabta mal-pakkett finanzjarju li offra”. Bl-MUT tisħaq illi għadhom ‘il bogħod ħafna sabiex jintlaħaq qbil.
Dan kollu qed ikun ta’ detriment fuq it-tfal u l-ġenituri, kif ukoll l-għalliema infushom li qed jindunaw kemm il-Gvern mhux jonora l-wegħda ċara li kien għamel qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Nhar it-Tnejn, l-iskejjel primarji u sekondarji tal-istat f’Malta u Għawdex se jkunu qed jiftħu l-bibien tagħhom strettament fil-ħinijiet tal-ftuħ uffiċjali tal-iskola. Dakinhar l-iskola se toffri biss servizz ta’ superviżjoni u l-istudenti li mhux se jattendu se jiġu mmarkati ‘excused’. Dan ifisser li mhux se jkun hemm bżonn nota jew ċertifikat mediku għal dakinhar. L-istudenti għandhom jinġabru mill-ġenitur jew kustodju legali sal-ħin normali li tispiċċa l-iskola u skont il-proċeduri li jintużaw is-soltu. Dan ifisser li s-servizz tal-Breakfast Club u Klabb 3-16 mhux se jkun provdut. Apparti dan mhux se jkun provdut ukoll trasport lejn u mill-iskola kif ukoll il-Programm tal-Litteriżmu tal-NLA.
Għal din ir-raġuni wkoll, il-Learning Support Centres, ir-Resource Centres, Gem 16+, Giovanni Curmi Higher Secondary, Sir MA Refalo Sixth Form u l-ALP mhux se jkunu miftuħin.
Jekk wieħed għandu bżonn kjarifiki jew aktar informazzjoni, jista’ jċempel fuq 25981150 f’dawn il-ġranet u ħinijiet:
- Il-Ħamis, 23 ta’ Novembru mis-1:00 sal-5:00;
- Il-Ġimgħa, 24 ta’ Novembru mis-7:30 sal-5:00;
- Is-Sibt, 25 ta’ Novembru u l-Ħadd, 26 ta’ Novembru mis-7:30 sa 12:00
- It-Tnejn, 27 ta’ Novembru mis-7:30 sal-17:00.