Internazzjonali

L-Olanda: L-Ewropa mħassba dwar ir-rebħa elettorali tal-estremista Wilders

Il-politiku kontroversjali u populista Geert Wilders kiseb rebħa drammatika fl-elezzjoni ġenerali tal-Olanda – bir-riżultat ifisser disfatta kbira għal Dilan Yesilgoz, il-Kap tal-Partit liberali VVD u li kienet qed tidher favorita biex tmexxi Gvern ġdid wara 13-il sena ta’ tmexxija mill-eks Prim Ministru Mark Rutte.

Wilders għandu reputazzjoni bħala politiku anti-Islamista u r-rebħa tiegħu xukkjat lill-Gvernijiet tal-Ewropa. Dan minħabba li l-Olanda kapaċi ‘il quddiem timplimenta l-bidliet drastiċi li jistonaw bil-kbir mal-politika liberali sinonima ma’ pajjiż li hu fost il-fundaturi tal-Unjoni Ewropea.

Wara li ilu rappreżentat fil-Parlament għal 25 sena, il-Partit tal-Ħelsien – PVV – ta’ Wilders għandu jirbaħ 37 siġġu ladarba jingħaddu l-aħħar voti….Dan hu ħafna aktar milli kisbet l-Alleanza tax-Xellug tal-eks-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea, Frans Timmersmans, li spiċċat it-tieni fl-elezzjoni.

U Wilders,fl-ewwel kummenti tiegħu wara li daħlu r-riżultati, enfasizza li l-partit tiegħu ma jistax jibqa’ injorat u li hu lest biex jiggverna fl-aħjar interessi tal-Olanda.

L-aħħar żviluppi huma anki l-akbar terremot fil-politika tal-Olanda, iżda t-triq ‘il quddiem għal Wilders ma tidhirx li hi daqstant faċli. Dan għaliex biex hu jattwa l-wiegħda li jkun ‘il-Prim Ministru għal kulħadd’ jeħtieġ li jipperswadi lill-partiti l-oħrajn biex jissieħbu miegħu f’koalizzjoni.

Intant, Wilders qed jittama li jista’ imexxi koalizzjoni ta’ 76 deputat fil-Parlament ta’ 150 membru. Hu, issa, għamilha ċara li lest biex jinnegozja mal-partiti l-oħrajn biex isir Prim Ministru filwaqt li anki jagħmel il-kompromessi fejn hemm bżonn.

Geert Wilders ilu magħruf madwar l-Ewropa bħala politiku li tul is-snin tkellem u mexxa l-attivitajiet popolari kontra l-immigrazzjoni. Hu wiegħed kemm-il darba li jagħlaq il-fruntieri tal-Olanda u li ‘jikkontrolla l-influwenza tal-Islamiċi’ f’pajjiżu.

L-Alleanza ta’ Frans Timmermans, issa, qed tidher li kisbet 25 siġġu u Frans Timmermans għamilha ċara li mhux se jissieħeb fi Gvern immexxi minn Wilders, fost il-wiegħdiet biex jiddefendi d-demokrazija u d-dritt tal-liġi fl-Olanda .

Sadanittant, l-akbar diżappunt kien irriservat għall-VVD ta’ Dilan Yesilgoz li spiċċa t-tielet fl-elezzjoni. U għalkemm Yesilgöz tiddubita kemm Wilders se jirnexxilu jwassal għal koalizzjoni ġdida, hi sostniet li huma l-kollegi tagħha fil-partit (VVD) li jridu jiddeċiedu r-reazzjoni għar-riżultat elettorali.