Olandiż ta’ 31 sena residenti fil-lokalità tal-Gżira u li jaħdem fl-industrija tal-gaming ġie mixli bi traffikar ta’ droga u li wettaq atti sesswali mhux kunsenswali fuq l-eks tfajla ta’ sieħbu nżamm arrestat bil-biża’ tal-Qorti hu li jista’ jaħrab mill-pajjiż waqt il-proċeduri. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Youri Kai Smith, ġie mixli li kellu fil-pussess tiegħu 1,740 pillola 2C-B deskritta fil-Qorti bħala droga qawwija, 300 gramma ketamin u 200 gramma cannabis. L-avukat Darlene Grima mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Marshal Mallia f’isem il-prosekuzzjoni akkużawh ukoll li fit-18 ta’ Novembru fl-appartament fejn huwa jirrisjedi żamm lill-eks tfajla tiegħu kontra l-volontà tagħha, ikkaġunalha ġrieħi ħfief u li wettaq fuqha atti sesswali mingħajr kunsens.
L-ispettur Mallia qal lill-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima li fid-19 ta’ Novembru, it-tfajla irrapportat l-għassa tas-Sliema li l-ġurnata ta’ qabel bejn wara nofs inhar kienet attakkata minn tliet irġiel fil-Gżira.
Qalet ukoll li kienet fl-appartament tas-sieħeb tagħha u feġġ argument bir-riżultat li beda jagħtiha bil-ponn u bis-sieq u l-akkużat kompla mas-sieħeb tagħha billi anke hu sawwatha. Lill-pulizija l-allegata vittma qaltilhom li l-akkużat messha b’mod indiċenti u daħħal idejh fil-parti privata tagħha u għalhekk ittieħdet l-isptar Mater Dei fejn ġiet iċċertifikata li ġarbet ġrieħi ħfief u sarilha wkoll eżami fid-dipartiment tal-ġinekoloġija.
L-ispettur kompla li fil-21 ta’ Novembru, l-pulizija reġgħu kellmu lit-tfajla u qaltilhom li kienu tnejn l-irġiel li attakkawha mhux tlieta u li setgħu kienu taħt l-influwenza tax-xorb u droga għaliex fl-appartament ikun hemm ħafna minnhom.
Minn tfittxija li l-pulizija għamlu fl-appartament, instabu l-pilloli, l- ketamin u l-cannabis fil-kamra tal-akkużat. L-avukati Franco Debono u Joseph Borda talbu li jingħata l-ħelsien mill-arrest, iżda l-Qorti ppreseduta ċaħdet it-talba minħabba l-gravità tal-akkużi, li hemm xhieda li għad iridu jixhdu u minħabba l-biża li jaħrab minn Malta.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex jiiġu ffriżati l-assi tal-akkużat u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma. L-avukat Jacob Magri deher għall-parte civile. L-investigazzjionijiet b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.