Edukazzjoni Lokali

“Sitwazzjonijiet prekarji li jkomplu juru l-kriżi fis-settur edukattiv” – PN

F’mument li fih l-edukaturi tagħna jinsabu f’taqtigħa ġusta mal-Gvern biex jieħdu dak li ħaqqhom u dak li kien imwiegħed, jiġifieri żieda fil-pagi u titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom, issa għandna wkoll l-istudenti fl-MCAST jiġġieldu għal dak li hu tagħhom, jiġifieri li jistudjaw f’istituzzjonijiet edukattivi adegwati u siguri għalihom mingħajr periklu.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri, il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li jirrikonoxxi li fl-MCAST qed isir investiment kontinwu u sostanzjali b’fondi ġġenerati mill-Unjoni Ewropea, ma jistax jibqa’ sieket u jaċċetta li f’din l-istituzzjoni daqstant importanti f’pajjiżna u li tilqa’ fiha eluf ta’ studenti, hemm strutturi perikolużi li għandhom bżonn l-attenzjoni immedjata f’binjiet li fihom qed isiru l-lectures.

Għaldaqstant, jinnota b’sodisfazzjon li l-amministrazzjoni ħadet id-deċiżjoni li l-istudenti issa jistgħu jsegwu l-lectures online, għalkemm jistenna li din tkun biss deċiżjoni temporanja sakemm tinstab soluzzjoni u l-istudenti jerġgħu jirritornaw fil-Kampus ta’ Raħal Ġdid. Hu diżappuntanti ferm li din id-deċiżjoni għas-sigurtà tal-istudenti ttieħdet biss wara filmati u ritratti li ttellgħu fil-media.

Minkejja li l-Gvern jiftaħar kontinwament bl-investiment infrasttruturali fil-qasam edukattiv, każi bħal dawn jikkonfermaw li pajjiżna għadu lura immens. Il-Partit Nazzjonalista jtenni lill-Gvern biex jassigura li kull skola u kull istituzzjoni edukattiva għandha tkun sigura kompletament għall-istudenti Maltin u fejn hemm bżonn immedjat ta’ manutenzjoni jew rinnovar, dan isir mingħajr dewmien.

Għall-Partit Nazzjonalista, l-istudenti huma kollha indaqs u kollha jixirqilhom l-aħjar.