Support Worker ta’ 31 sena li jaħdem mal-Aġenzija Sapport ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Rachel Montebello instab ħati li ħames snin ilu, weġġa’ ħafif resident anzjan wara li aggredih bill tah daqqa ta’ ponn f’wiċċu.
Joseph Manuel Jonathan Bonnici residenti l-Kalkara nstab ħati li kkawża ġrieħi ħfief fuq persuna vulnerabbli ta’ 82 sena. Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni qalet li l-aggressjoni seħħet fit-13 t’April tal-2018, meta l-anzjan talab sigaret lil Bonnici fid-dar residenzjali għal pazjenti b’diżabilità intellettwali u fiżika f’Ħal Kirkop.
Mill-provi, ħareġ li dakinhar l-anzjan, li jbati bl-ażma, kien ilu ġurnata ma jpejjipx u kien b’hekk li staqsa lis-support worker biex jagħtih sigarett. Madankollu, minflok, Bonnici mbuttah u qalbu fuq is-sodda u tah daqqa ta’ ponn f’wiċċu taħt għajnu x-xellugija.
Bonnici nstab ħati wkoll li fit-tmien snin li kien ilu jaħdem fir-residenza ta’ Ħal Kirkop kien iġiegħel lil resident ieħor “ibati bla bżonn, u jiġi umiljat u degradat” billi jerfa’ jdejh fuqu, ikellmu ħażin, u jwaqqaflu l-films li kien ikun qed jara u jkissirlu s-CDs.
Jirriżulta wkoll, li f’żewġ okkażjonijiet, ħallieh fil-kamra magħluha bi ħrieqi maħmuġin u b’riħa t’awrina. Bonnici dejjem ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih. Pazjent fix-xhieda tiegħu qal li huwa kien joqgħod fl-istess kamra mal-vittma u l-imputat kien jabbuza minnu u kif ukoll minn persuna oħra bl-isem ta’ Raymond.
Lilu kien joqgħod jgħidlu li huwa giddieb u kien joqgħod ukoll imisslu l-parti privata tiegħu u dan ripetutament, kuljum, anke quddiem ċerta Raymond, li wkoll kien jagħmillu l-istess affarijiet. Kien ukoll joffendilu lil ommu u missieru u lill-mejtin li għandu u jidgħi kontrihom.
Spjega li kien iħossu abbużat kif ukoll kellu dieqa kbira. Ikkonferma wkoll li kien l-imputat biss fost is-‘support workers’ kollha tar-residenza li kien jagħmillu hekk, u meta ġie mkeċċi u ma baqax jaħdem fir-residenza, huwa ħass ferħ kbir u kien kuntent ħafna.
Xehed ukoll li kien ra b’għajnejh ukoll lill-imputat jabbuża minn persuna oħra, li kellu kamra għalih waħdu u kien imisslu sidru u l-parti privata tiegħu quddiemu. Iddeskriva l-affarijiet li kien jagħmillu l-imputat bħala “mhux ta’ pjaċir” u li qatt ma kien jistenna li jagħmel membru tal-istaff, fosthom jaqbdu minn qaddu, u minn spalltu u jaqbadlu wkoll il-partijiet privati tiegħu, jagħfsu minn għonqu u jtih bil-ponn fuq rasu u kien iġiegħlu jibki.
L-imputat kien jipprova wkoll jagħfsu miegħu u ċaħad illi b’hekk l-imputat kien qed jipprova jgħannqu u għalih dan kien abbuż. Ikkonferma li din ġrat mhux darba biss iżda ħafna drabi matul iż-żmien kollu li kien ilu jgħix fir-residenza ta’ Ħal Kirkop u waqfet biss meta l-imputat ma baqax jaħdem fir-residenza fl-1 ta’ Mejju 2018.
Xehed ukoll li kien jisma’ pazjent ieħor jibki u kien jaf li l-imputat kien isawwtu u jġiegħlu jibki għaliex dan seħħ ukoll fil-preżenza tiegħu, kemm il-darba. Xehed illi kien jabbuża wkoll b’’Raymond’ ukoll għaliex dan kien fl-istess kamra miegħu u kien jarah jagħmillu dawn l-affarijiet.
Kien iħoss dwejjaq kbar meta l-imputat kien jagħmel dawn l-affarijiet. Il-vittmi l-oħra prattikament ikkonfermaw ix-xhieda ta’ dan il-pazjent. Il-Qorti qalet li jirriżulta wkoll mill-provi li wieħed mill-allegati vittmi jbati minn diżabilità intellettwali kif ukoll fiżika tant illi huwa ‘wheelchair bound’ u jeħtieġ l-assistenza biex jilbes u jinħasel kif ukoll biex jinżel minn fuq is-sodda.
Il-Qorti qalet li hi sodisfatta li l-Prosekuzzjoni ressqet provi konklussivi li jlaħħqu l-grad ta’ ċertezza morali li l-imputat, għad illi kien jgħin lil wieħed mir-residenti fil-bżonnijiet tiegħu, kien ukoll jabbużah billi jkellmu ħażin kif ukoll jagħtih bil-ponn.
Fil-fatt, ix-xhieda kollha xehdu li l-imputat kien iweġġgħuhom u jagħtihom bil-ponn u l-Qorti ftit għandha
dubju li dan hu minnu u li l-imġieba tiegħu fil-konfront tal-persuni vulnerabbli li kien inkarigat bil-kura u kustodja tagħhom kienet waħda sistematikament abbużiva, insensata u krudili.
Għall-fini tal-piena l-Qorti ħadet qies tal-fedina penali tal-imputat, kif ukoll tal-fatt illi tal-anqas in kwantu għar-reat imwettaq fuq wieħed mill-pazjenti, dan ġie kommess b’atti ripetuti li seħħew fuq medda ta’ żmien u li kkaġunaw niket u dwejjaq kbar fil-vittma li kien jixraqlu rispett, dinjità u għajnuna tenut kont tad-diżabilitajiet tiegħu, u mhux umiljazzjoni u abbuż.
In kwantu għar-reat kommess fuq il-persuna oħra, l-Qorti ma tistax ma tikkunsidrax il-fatt li dan l-att ta’ vjolenza wkoll ġie mwettaq fuq vittma li għandu problemi serji intellettwali li jagħmluha diffiċli ferm għalih jesprimi ruħu u allura fejn ikun iktar faċli li wieħed jimmina l-verżjoni tal-vittma.
Il-Qorti ma sabitx lil Bonnici ħati li wettaq reati fuq uħud mill-persuni residenti iżda ħati fil-konfront ta’ oħrajn. Il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trazzin kontra l-imputat għal żmien tliet snin, li ġie ikkundannat ukoll jħallas lir-Reġistratur tal-Qorti is-somma komplessiva ta’ €417.10 rappreżentanti l-ispejjeż li tħallsu lill-espert psikjatriku Dr. Joseph Cassar u lill-espert terapista Kerstin Pulis, li ġew maħtura bħala periti fil-proċeduri. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Busuttil.
//= $special ?>