Spanjol ta’ 25 sena li f’Malta ma jaħdimx u residenti s-Swieqi ġie akkużat li mporta f’Malta 400 gramma cannabis, li assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex jitraffika d-droga u li ttraffika d-droga cannabis L-Ispettur Marshall Mallia li ressaq lil Alejandro Aviles Gonzales, qal li fid-19 ta’ Settembru instab pakkett id-dwana li kien fih logħba ludo u fiha kien hemm erba’ sapuniet tal-cannabis li ammontaw għal 400gramm.
Il-pakkett kien indirizzat lil xi ħadd u li aktarx kien isem falz f’residenza abbandunata f’Tas-Sliema. Tenna li d-dwana rċevew telefonata mingħand persuna jistaqsi għall-pakkett u mar jiġbru Spanjol ieħor, David Jimenez li diġà tressaq il-Qorti f’Ottubru li għadda fuq il-każ u miegħu kien hemm Gonzales.
Ix-xhud qal li l-akkużat kien qal lill-pulizija li hu kemm kien mar ma’ Jimenez u ngħata l-police bail sakemm isiru l-investigazzjonijiet. Ġara li l-pulizija ħadu l-mobile tal-akkużat u fih sabu chat fuq What’s App bit-titlu Trabajo, li tfisser xogħol bl-ispanjol u fiha numru ta’ ritratt u komunikazzjoni dwar importazzjoni tad-droga.
Fiċ-chat Gonżales qal li l-indirizz huwa ta’ post abbandunat iżda hu jkun hemm jistenna l-pakkett jasal. Mill-investigazzjoni ħareġ li kien l-akkużat li ċempel lid-dwana jistaqsi għall-pakkett bid-droga. Huwa wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
L-avukat Franco Debono għamel talba għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha. Il-Qorti ċaħdet it-talba minħabba n-natura tar-reati u l-biża li jaħrab minn Malta. Il-Qorti ordnat li jiġu ffriżati l-assi tal-akkużat.