Student ta’ 18-il sena miż-Żejtun ngħata l-pleġġ wara li ġie akkużat li mporta 14-il kilo ta’ droga cannabis. Goswel Grima ta’ 18-il sena ġie akkużat quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex jimporta d-droga u li kellu fil-pussess tiegħu d-droga cannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kinetx għall-użu esklussiv tiegħu. Grima tressaq il-Qorti l-Ħamis, l-għada li nfetħet inkjesta Maġisterjali dwar il-każ.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazjonijiet dwar il-każ’ u mhux eskluż li jitressqu aktar persuni b’rabta ma’ dan il-każ. L-Ispettur Marshall Mallia, li nvestiga l-każ qal li fis-17 ta’ Novembru, uffiċjali tad-dwana minn Fedex f’Ħal Luqa sabu pakkett bi tmien kilos ħaxixa li kien indirizzat lil ċertu Tristan Cassar f’indirizz f’Bormla. Dwar dan qal ix-xhud Qal li infetħet inkjesta Maġisterjali.
Il-pulizija mill-ewwel bdew jaħdmu fuq il-każ u ppruvaw jagħmlu konsenja kkontrollata iżda ma din ma rnexxietx. Ħamest ijiem wara jiġifieri nhar l-Erbgħa, li għaddew, il-kumpanija Fedex irċeviet pakkett ieħor b’żewġ kilos cannabis li kien indirizzat lil ċertu Ryan Ciangura f’residenza fiż-Żejtun.
Ix-xhud kompla jgħid li għaldaqstant kellha infetħet inkjesta maġistrajali oħra u l-pulizija reġgħu ppruvaw jagħmlu konsenja kkontrollata u din id-darba din irnexxiwet fejn irċieva l-pakkett l-akkużat. L-Ispettur Mallia qal li x-xogħol ma waqafx hemm u l-Ħamis filgħodu stess reġa’ wasal pakkett ieħor b’erba’ kilos ħaxixa indirizzat fl-istess indirizz taż-Żejtun iżda minflok lil Ryan Ciangura kien indirizzat lil Victor Ciangura.
Żied li mill-investigazzjoni tal-pulizija rriżulta li dawn il-pakketti kienu kollha konnessi anki għaliex kull darba, l-istess persuna minn barra iċċempel lil Fedex biex tara li l-pakkett jiġi kkonsenjat. Grima li qal huwa student, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb talbu lill-Qorti biex l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima laqgħet it-talba fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €10,000.
Il-Qorti mponiet numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li jrid jiffirma kuljum l-għassa taż-Żejtun, irid ikun id-dar bejn it-8pm u s-6am u ma jagħmilx kuntratt bl-ebda mod max-xhieda tal-prosekuzzjoni fosthom persuni li l-puliizja għadha qed tinvestiga. Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi tal-akkużat. Il-każ ikompli.