Lokali Qorti

Xogħol fil-kommunità u probation għal żewġ żgħażagħ li kisru sieq tifel minn żewġt ibnadi

Żewġ żgħażagħ ta’ 17-il sena, li isimhom ma jistax jixxandar peress li huma taħt l-età, tpoġġew taħt ordni probation għal tliet snin u ordnati jagħmlu minimu ta’ 60 siegħa xogħol fil-komunità wara li ammettew li f’Jannar li għadda sawwtu tifel ta’ 15-il sena, li spiċċa b’siequ miksura minn żewġt ibnadi fi ġlieda fil-Belt.

Dan l-inċident kien ġab tħassib kbir fost ir-residenti Beltin fejn ta’ spiss numru ta’ żgħażagħ kienu qed jittantaw ix-xemx għaddejja u jħebbu għan-nies fil-Belt kapitali Maltija. Il-prosekuzzjoni spjegat lill-Maġistrat Lara Lanfranco li l-aggressjoni seħħet bejn numru ta’ żgħażagħ fil-21 ta’ Jannar li għadda fi Triq il-Merkanti għall-ħabta tal-10pm. 

Iż-żewġ żgħażagħ ammettew ukoll li kkaġunaw lil erba’ żgħażagħ oħra biża li kienet se tintuża vjolenza kontrihom, li attakkawhom li offendewhom bi kliem diżpreġattiv, kif ukoll li weġġgħu lil żewġ persuni oħra li huma wkoll taħt l-età.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Lanfranco qieset l-ammissjoni bikrija tal-akkużati, l-età żgħira u l-fedina penali nadifa tagħhom, u r-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċjal tal-probation.  Meta kienu tressqu l-Qorti huma kienu ġew irrifjutati l-libertà proviżorja, iżda ma kienux inżammu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin iżda fil-Y.O.U.R.S. residenza għal delinkwenti żgħażagħ.

Għall-ħatja dehru l-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri, u Franco Debono u Francesca Zarb. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kevin Pulis u Darryl Borg.