Lokali Qorti

12-il sena ħabs fuq importazzjoni ta’ seba’ kilo’s cannabis

Rumen ta’ 36 sena kien ikkundannat 12-il sena ħabs mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera wara li ammetta flok għadda ġuri li importa ftit aktar minn seba’ kilogrammi ta’ droga cannabis grass, f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Tiberiu-Mihail Miculescu, residenti Buġibba – kien nqabad bid-droga fil-11 ta’ Settembru tal-2019, meta wasal Malta bil-katamaran minn Pozzallo Sqallija. Dakinhar il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, flimkien ma’ uffiċjali tad-Dwana, kienu qed jagħmlu spezzjonijiet fuq vetturi u passiġġieri mal-wasla tagħhom fil-port tal-Marsa.

Il-karozza li kien qed isuq ir-Rumen kienet waħda minn sitta li kienu ġew spezzjonati. L-Imħallef Scerri Herrera semgħet kif kelb mill-‘Canine Unit’ tad-dwana beda juri interess partikolari f’karozza sewda tal-għamla BMW X5, li kienet misjuqa mill-ħati.

Għall-ewwel ma rriżulta xejn li ma kienx normali, iżda wara iżjed tiftix fil-garaxx tal-pulizija nstabet moħba fuq in-naħa ta’ wara tal-vettura. F’dan l-ispazju l-pulizija sabu erba’ moħbiet mibnija ħdejn it-tank tal-fjuwil u minn hdemm inħarġu 47 pakkett mill-vettura.

Sadanittant Kif l-akkużat kien ġie infurmat li kien hemm bżonn li ssir tfittxija intensiva oħra fil-garaxx tal-Pulizija hu qal lill-pulizija li dakinhar stess kellu jħalli Malta bl-ajruplan. Din it-tfittxija kienet mwettqa minn PC 258 John Lee Howard fil-preżenza tal-akkużat.

Il-kompartiment moħbi fil-karozza kien innutat fuq wara tal-vettura msemmija. Meta kien hemm toqba mħaffra fix-chassis, fejn minnha kienet ħierġa riħa ta’ ħaxixa tal-cannabis. Wara analiżi ulterjuri rriżulta li b’kollox kien hemm erba’ kompartimenti mibnija fuq wara fejn hemm it-tank tal-karburant.

Matul l-investigazzjoni r-Rumen kien ikkonferma li l-vettura inkwistjoni kienet tiegħu u li ma kinitx
l-ewwel darba li ġie Malta. Skont espert tal-qorti, il-piż tal-ħaxixa tal-kannabis kien ta’ 7.2 kilogrammi, b’purità ta’ 28% u valur fis-suq, dak iż-żmien, ta’ bejn €72,000 u €201,600. Il-Qorti qieset il-fatt ukoll li Miculescu għandu kondotta nadifa, u li ammetta għall-akkużi fi stadju bikri tal-proċeduri.

Il-Qorti, ikkundannat lir-Rumen 12-il sena ħabs u mmultatu €25,000. Huwa kien ordnat ukoll biex iħallas total ta’ €1,977 fi spejjeż tal-qorti. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ kull proprjetà marbuta mar-reat, kif ukoll il-qerda tad-droga. L-Ispettur Mark Anthony Mercieca kien mexxa l-investigazzjonji f’dan il-każ.