“Robert Abela u Clifton Grima ħolqu kriżi fl-edukazzjoni u ma jafux kif se jsolvuha” hekk saħaq il-kelliem għall-Edukazzjoni u s-Snajja Justin Schembri.
Huwa fakkar kif Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li kien Robert Abela, qabel l-elezzjoni, li wiegħed b’ewforija żieda sinifikanti fil-pagi u titjib fil-kundizzjonijiet tal-edukaturi kollha, iżda issa li wasal iż-żmien biex jagħlaq il-ftehim settorjali għall-edukaturi mal-MUT, qed imur lura minn kelmtu u ma jridx jagħti ż-żidiet li wiegħed wara sena ta’ negozjati.
Kompla jżid kif In-nuqqas ta’ rieda u impenn min-naħa tal-Gvern biex jinnegozja l-pakkett finanzjajru mwiegħed lill-edukaturi tal-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja kollha qed iwasslu biex f’pajjiżna llum għandna kriżi fis-settur edukattiv, li jinsab staġnat għax l-MUT ma kelliex għażla oħra ħlief li ssejjaħ numru ta’ direttivi wara li l-Gvern reġa’ mar għandha b’pakkett finanzjajru li ma jilħaqx l-aspettattivi tal-union rappreżentattiva.
Dawn Id-direttivi jinkludu wkoll strajk nazzjonali msejjaħ għat-Tnejn li ġej għall-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja kollha, flimkien mal-ĠEM16+, l-ALP u s-sixth forms Giovanni Curmi u Sir M.A. Refalo, li se jkunu milquta direttament. Dan qed isir għad-detriment tal-eluf kbar ta’ studenti, li l-Gvern qed iżeffinhom f’nofs tilwima li kkawża għax mhux verament interessat li jtejjeb il-pagi u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi.
Grazzi għall-Gvern, illum għandna tfal li qed jinkisrilhom id-dritt li jitgħallmu u jingħataw ‘feedback’ ta’ xogħolhom, filwaqt li dawk bi ħtiġijiet partikolari fit-tagħlim qed jibqgħu jinqatgħu lura għax qed jintilfu mijiet ta’ IEPs skedati, li tant huma meħtieġa għall-progress tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista jqis li hu diżappuntanti li l-Gvern, minflok ma jfittex soluzzjoni immedjata, qed jagħżel it-triq tat-theddid, tant li mhux lest jinnegozja mal-union jekk ma jkunux irtirati d-direttivi. Din hi attitudni arroganti ta’ Gvern li jippretendi li għandu l-jedd fuq il-unions u l-membri affiljati magħhom.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern ta’ Robert Abela, jekk tassew hu konvint mill-pakkett finanzjarju li offra lill-edukaturi, għandu minnufih jippubblika ż-żidiet li qed jipproponi. Jekk jibqa’ sieket, allura dan ikun biss qed jikkonferma li l-Gvern mhux komdu jgħid kemm qed joffri żieda lill-edukaturi.
Il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-Gvern biex jirtira t-theddida tiegħu li ma jinnegozjax mal-Union tal-Għalliema minnufih biex din il-kriżi tkun riżolta kemm jista’ jkun malajr u l-edukaturi jingħataw is-salarji li jixirqilhom. B’hekk, it-tfal ma jibqgħux imċaħħdin milli jingħataw l-edukazzjoni li tixraqilhom.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen fl-edukaturi tagħna u jagħtihom l-appoġġ kollu f’dan il-mument daqstant delikat. Għalih, l-edukaturi huma l-qafas tas-soċjetà tal-lum u ta’ għada. Hu kommess ukoll li jkompli jkun ta’ spalla għall-edukaturi, li għal sigħat sħaħ kuljum jinvestu l-ħin u l-enerġija tagħhom għall-ġid ta’ wlied il-poplu Malti u Għawdxi kollu. Fl-istess waqt, jirringrazzja lill-MUT li qed tkompli tiġġieled għal salarji u kundizzjonijiet aħjar.
//= $special ?>