Lokali Qorti

Ħabs u multa ta’ €4,000 kull wieħed wara li ferew żewġ Surġenti u heddew żewġ Kuntistabbli f’San Ġiljan

“Il-Qorti ma tridx li membri tal-Korp tal-Pulizija jiddemoralizzaw ruħhom għaliex għad hawn min jaħseb li hu ‘l fuq mil-liġi u ma jirrispeta lil ħadd. Attakk fuq membru jew membri tal-Korp tal-Pulizija jew xi forza oħra tal-ordni huwa attakk fuq is-soċjetà kollha. Kif jista’ f’pajjiżna xi ħadd jaċċetta li membru tal-korp joħroġ mid-dar għal ġurnata tax-xogħol u jirritorna lura ferut?”

Dawn kienu l-kummenti tal-Maġistrat Joe Mifsud – f’sentenza li ta fil-konfront ta’ Kidu Gebremariam Gebrecharikos ta’ 37 sena mill-Eritrea u Mostafa Aseyr Ahmed ta’ 27 sena mis-Somalja wara li ġew kundannati 15-il xahar ħabs bejniethom u mmultati €4,000 kull wieħed wara li ammettew li xahar u nofs ilu ferew ħafif żewġ Surġenti tal-Pulizija u heddew żewġ Kuntistabbli, f’San Ġiljan.

Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li l-Pulizija jridu jkunu protetti waqt li jkunu qed jagħmlu d-dmirijiet tagħhom u ħadd m’huwa skużat – tkun xi tkun ir-raġuni – li jhedded lil xi uffiċjal tal-Pulizija jew li b’xi mod iweġġaghom.

“Ordni tal-Pulizija għandha tkun obduta mal-ewwel u għandu jintwera rispett lejn kull uffiċjal dejjem u kullimkien. Dan ir-rispett għandu jidher b’mod l-aktar ċar u enfatiku f’sitwazzjonijiet fejn tkun daħlet imqar naqra tensjoni. F’dan il-każ it-tensjoni ħolquha bla bżonn l-imputati stess, liema imġieba qatt m’hi se tkun tollerata minn din il-Qorti”, kompla jgħid il-Maġistrat Mifsud.

Qal ukoll li l-Pulizija Eżekuttiva hija hemm sabiex tipproteġi ċ-ċittadin u m’għandhiex tiġi mqiegħda f’sitwazzjoni li tibża teżercità d-dritt tagħha li tikkoreġi lill-individwu li ma jkunx qed jimxi skond il-liġi.
Il-Qorti tinkoraġixxi lill-uffiċċjali tal-Pulizija sabiex jintervjenu kull fejn ikun hemm xi nuqqas ta’ terz u dan bl-intendiment li jkun hemm armonija sħiħa fil-pajjiż.

Ir-raġel milll-Eritrea li joqgħod il-Marsa u s-Somalu residenti l-Gżira ammettew li fid-9 ta’ Ottubru 2023, bejn id-9:30am. u l-11:00am., ġewwa Triq San Ġorġ, San Ġiljan, serqu mowbajl, li ma jeċċċedix is-somma ta’ €2,329.37, liema serq sar għad-dannu ta’ raġel Taljan.

Huma ammettew ukoll l-attakk fuq il-membri tal-Korp tal-Pulizija. Meta ġiet biex tikkonsidra l-piena l-Qorti qalet li l-piena m’għandhiex isservi bħala xi forma ta’ vendikazzjoni tas-soċjetà fil-konfront tal-ħatja. Il-Qorti qalet li l-piena għandha diversi skopijiet.

Wieħed minnhom hu sabiex jiġi ripristinat it-tessut soċjali li jkun ġie mċarrat bil-għemil kriminali ta’ dak li jkun. Taħt dan l-aspett jassumu importanza, fost affarijiet oħra, kemm ir-riżarciment tad-dannu minn naħa tal-ħati kif ukoll ir-riforma tal-istess ħati.

Skop iehor tal-piena huwa dak li tiġi protetta s-soċjetà. Dan l-iskop jitwettaq kemm billi fil-każ ta’ persuni li b’għemilhom juru li huma ta’ minaccja għas-soċjetà dawn jinżammu inkarcerati u għalhekk barra miċ-ċirkolazzjoni, kif ukoll billi, fil-kaz ta’ reati gravi, is-sentenza tibgħat messaġġ ċar li jservi ta’ deterrent ġenerali.

l-Qrati ta’ ġustizzja kriminali dejjem iridu jippruvaw isibu l-bilanċ ġust bejn dawn u diversi skopijiet oħra tal-piena. Is-Somalu ġie kundannat tmien xhur ħabs filwaqt li r-raġel mill-Eritrea ġie kundannat seba’ xhur ħabs. Il-ħatja ġew immultati wkoll €4,000 kull wieħed.