Lokali

Il-President b’appell biex noffru ambjent mill-aqwa lit-turist

Irridu nikkonċentraw l-isforzi kollha biex niżguraw li it-turiżmu jiżviluppa skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli – għall-ġid tal-popli kollha fil-pajjiżi ospitanti.

Hekk sostna il-President ta’ Malta George Vella, waqt il-Mediterranean Tourism Gala Awards …fejn stqarr li hu jibqa’ jemmen bis-sħiħ fil-ħtieġa li nibdlu n-narrattiva dwar il-Mediterran. U għalhekk appella biex niffokaw aktar fuq dawk li sejjaħ “skambji vibranti” bejn il-popli.

Il-President stqarr li l-attività tat-turiżmu għandha ddur madwar l-esperjenza ġenwina u t-tgawdija tal-ambjent naturali ta’ kull destinazzjoni; inklużi attrazzjonijiet naturali bħall-baħar, ix-xemx u l-kultura b’mod ġenerali. Din l-istqarrija mingħand il-President tiġi fi żmien meta bosta tursiti bla dubju ta’ xejn qed issibuha diffiċli ferm li jgawdu l-ambjent naturali ta’ pajjiżna – aktar u aktar fl-isfond tad-diversi stejjer u kwistjonijiet li qed iqumu ġimgħa wara l-oħra. Kollha kontroversji li jikkonfermaw kif pajjiżna qed jaffaċja kriżi ambjentali; minn Kemmuna sal-Mosta, mill-Imqabba sa Għawdex.

Il-President Vella minn naħa tiegħu qal li t-turiżmu għandu rwol prinċipali fl-iżvilupp tar-reġjun tal-Mediterran, billi jipprovdi opportunitajiet ta’ impjiegi…. u għalhekk isostni l-għajxien ta’ miljuni ta’ nies.

F’dan l-isfond, il-President Vella faħħar lill-Mediterranean Tourism Foundation għall-isforzi kontinwi u d-determinazzjoni tagħha biex twettaq viżjoni ta’ turiżmu sostenibbli u reżiljenti fil-Mediterran.