B’riferenza għall-istrajk tal-għalliema ta’ nhar it-Tnejn li ġej 27 ta’ Novembru, u fl-isfond tal-komunikat li ħareġ il-Ministeru tal-Edukazzjoni fejn ġie deċiż li dakinhar mhux se jkun hemm trasport tal-iskejjel, il-UHM Voice of the Workersqed twissi li mhix se tkun qed taċċetta li tittieħed xi forma ta’ dixxiplina quddiem il-ġenituri li jaslu tard ix-xogħol jew ikollhom jitilqu kmieni.
Quddiem id-deċiżjoni li ma jkunx hemm trasport tal-iskejjel, il-UHM tinnota li jista’ jkun hemm ġenituri li jaħdmu li jkollhom diffikultà biex iwasslu t-tfal tagħhom l-iskola. Dan bil-konsegwenza li ma jaslux għax-xogħol fil-ħin jew ikollhom jitilqu qabel.
Għal dan il-għan il-UHM qed tavża li mhux se taċċetta li tittieħed xi forma ta’ dixxiplina jew telf finanzjarju jekk minħabba tali deċiżjoni xi ġenituri jittardjaw.
Il-UHM Voice of the Workers qed twissi li lesta tordna azzjonijiet industrijali jekk kemm-il darba jkun hemm xi tip ta’ konsegwenza fuq il-ħaddiema.
//= $special ?>