Ambjent Lokali

Is-siġar fi qsari li suppost saru biex jistkennu l-għasafar matul il-lejl inxtegħlu kollha bozoz

L-ewwel tqaċċtu l-friegħi tas-siġar tal-fikus u kważi tneħħew mill-pjazza tal-Mosta.

Imbagħad tpoġġew 12-il siġra tal-Ballut fi qsari – siġar li oriġinarjament kienu se jieħdu post is-siġar tal-fikus, li kieku ma kienx għall-protesti li saru, siġar li l-għan tagħhom suppost kellhom jagħtu xi ftit kenn għall-għasafar fiz-zona.

Issa, is-Sindku Laburista tal-Mosta għażel li jixgħel dawn l-istess siġar li suppost qed jistkennu fihom l-għasafar matul il-lejl kollha bozoz.

Bil-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana jgħid f’post fuq Facebook li “jekk qatt kelli dubju li is-sindku tal-Kunsill Lokali Mosta huwa tuba issa nista’ nikkonferma li hekk hu. Prosit Sur Sindku ara vera bozza int.”

Din is-saga kollha bdiet il-ġimgħa li għaddiet meta sar sfreġju ambjentali fil-pjazza tal-Mosta hekk kif wara deċiżjoni li ttieħdet mis-Sindku Laburista bil-barka tal-ERA, beda t-tqaċċit tas-siġar tal-fikus li kienu jsebbħu din iz-zona.  Tqaċċit kellu jitwaqqaf ħesrem wara r-reazzjoni tal-pubbliku inġenerali kif ukoll tar-residenti Mostin għal dan l-isfreġju ambjentali li kien qed iseħħ; sfreġju li wassal ukoll għall-mewt ta’ bosta għasafar minħabba li ma sabux fejn jistkennu.

Kienu bosta l-Mostin li kkummentaw fuq il-mezzi soċjali u li qalu illi dawn is-siġar tal-fikus kienu parti mill-memorja kollettiva tagħhom fil-Pjazza, fejn apparti dan, kienu jagħtu kenn lil ħafna għasafar kif ukoll lin-nies li kienu jistkennu taħthom mix-xemx – element li xorta se jibqa’ nieqas, avolja tpoġġew is-siġar żgħar tal-Ballut.